Futbol Sport

Telfiet għal Arsenal u Tottenham Hotspur

(Ritratt: EPA)

Arsenal ġew megħluba minn West Ham f’darhom bl-iskor ta’ 2-0.

Riżultat xejn sabih għall-Gunners hekk kif tilfu posthom fil-quċċata tal-klassifika, fejn issa Liverpool jokkupaw l-ewwel post b’total ta’ 42 punt wara 19-il logħba, b’ Arsenal jokkupaw it-tieni post b’40 punt.
West Ham fetħu l-iskor kmieni hekk kif Tomas Soucek xeħet ġewwa mill-viċin wara 13-il minuta mill-assist ta’ Bowen. Il-Hammers stennew sal-55 minuta biex irduppjaw l-iskor, bl-eks difensur ta’ Arsenal Konstantinos Mavropanos isib ix-xibka b’daqqa ta’ ras mill-korner ta’ Ward-Prowse.

Rebħa li tara l-Hammers jitilgħu fis-sitt post, b’total ta’ 36 punt, 3 punti iktar minn Manchester United.


Tottenham Hotspur sofrew telfa diżappuntanti kontra Brighton fl-Amex Stadium bl-iskor finali jkun 4-2.
B’din ir-rebħa, is-Seagulls telgħu fit-tmien post wara 19-il logħba, u akkumulaw total ta’ 30 punt s’issa.

Brighton fetħu l-iskor wara 11-il minuta logħob permezz ta’ Jack Hinshelwood mill-assist ta’ Joao Pedro. L-istess Joao Pedro kien ukoll l-awtur tat-tieni gowl tat-tim tiegħu, meta minn penalty għeleb Vicario b’xutt fir-rokna t’isfel tax-xellug.

Fit-63 minuta, Pervis Estupinan għamel l-iskor 3-0 b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa bil-ballun jasal mill-korner mogħti minn James Milner.

Joao Pedro skorja t-tieni penalty tiegħu u r-raba’ gowl għat-tim tiegħu meta għal darb’oħra għeleb lillgoalkeeper din id-darba b’konklużjoni fir-rokna t’isfel tal-lemin.

Tottenham Hotspur irnexxielhom jiskorjaw żewġ gowls fl-aħħar 10 minuti logħob permezz ta’ Alejo Veliz mis-suġġeriment ta’ Son u Ben Davies li sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras mill-korner ta’ Porro, madankollu l-gowls kienu biss ta’ konsolazzjoni.

Illum
Brighton v Tottenham 4-2
Arsenal v West Ham 0-2
Is-Sibt
Luton T. v Chelsea 1:30pm
A.Villa v Burnley 4:00pm
C.Palace v Brentford 4:00pm
Man.City v Sheffield U. 4:00pm
Wolves v Everton 4:00pm
Nottingham F. v Man.Utd 6:30pm
Il-Ħadd
Fulham v Arsenal 3:00pm
It-Tnejn
Liverpool v Newcastle U. 9:00pm