Minn tal-inqas 50 persuna inqatlu u għexieren oħra indarbu wara attakki bl-ajru f’Beit Lahia fit-Tramuntana ta’ Gaża, f’Khan Younis fin-nofsinhar tar-reġjun u l-kamp tar-refuġjati ta’ Maghazi fiċ-ċentru ta’ Gaża. Dan hekk kif fl-aħħar sigħat ġew rappurtati ukoll burbardamenti f’żona madwar l-isptar f’Khan Younis – attakki illi ħallew ukoll diversi vittmi.
U filwaqt li l-militari ta’ Iżrael ippersista b’din l-offensiva… qed tkompli tiżdied it-tensjoni anke fuq ix-xaqliba l-oħra, mal-fruntiera tal-Libanu.
Fil-fatt, il-Ministru Izraeljan Benny Grantz ħareġ twissija ċara lill-Moviment Hezbollah sabiex iwaqqfu l-attakki tagħhom fuq it-Tramuntana ta’ Iżrael. Bis-sitwazzjoni kapaċi tħalli konsegwenzi koroh jekk il-Hezbollah jinjoraw din it-twissija.
L-attakki mal-fruntiera ilhom joħolqu tensjoni kbira sa mill-bidu tal-attakki tal-Ħamas fuq Iżrael, li raw il-bidu tagħhom fis-7 ta’ Ottubru li għadda, hekk kif it-terroristi tal-Ħamas mexxew sensiela ta’ attakki fuq il-komunitajiet f’Iżrael – fejn inqatlu talanqas 1,200 persuna; fil-parti kbira tagħhom ikunu ċivili.
Ġie kkonfermat ukoll li tul il-jum tal-Erbgħa, il-Hezbollah wettaq l-akbar numru ta’ attakki mal-fruntiera f’ġurnata waħda biss mit-8 ta’ Ottubru li għadda sal-llum – sitwazzjoni inkwetanti ferm li qed turta l-militar Izrael.
Filfatt dan wassal għal tħassib kbir li l-kunflitt f’Gaża jista’ jkompli jespandi għal aktar reġjuni.
Il-Hezbollah – li hija organizzazzjoni Musulmana tax-Shiti – hija kunsidrata bħala organizzazzjoni terroristika mill-istati tal-Punent, minn Iżrael, il-pajjiżi Għarab tal-Golf u l-Lega Għarbija.
Iffinanzjata mill-Iran, hija waħda mill-akbar forzi militari armati u mhux statali fid-dinja.
Lura fl-2006, kienet faqgħet gwerra sħiħa bejn il-Hezbollah u Iżrael meta l-Hezbollah wettaq rejd fatali; bit-truppi Iżraeljani spiċċaw jinvadu n-Nofsinhar tal-Libanu.
//= $special ?>