Lokali

Fl-2023: Aktar minn 5 miljun click fuq l-istejjer ta’ Net News

Sena li saħansitra kienet aktar b'saħħitha mill-2022 - li kienet is-sena tal-elezzjoni ġenerali

Ċifri li janalizzaw l-istejjer ippubblikati minn dan is-sit matul is-sena 2023 juru li fuq perijodu ta’ 12-il xahar kellna 5 miljun click fuq il-kontenut li xandarna – kemm fuq Facebook u anke Instagram. Dan ifisser li fuq is-sena li għaddiet, ġiet reġistrata żieda ta’ 38 fil-mija fl-ammont ta’ drabi fejn in-nies għamlu share jew qraw rapporti ppubblikati fuq il-pjattaformi soċjali tagħna.

Bħala medja, l-udjenzi li jsegwu l-aħbarijiet tagħna fuq Facebook ivarjaw bejn 100,000 u 150,000 kull ġimgħa. Bis-segwaċi ta’ Net News issa qabżu il-126,000 persuna. Fil-fatt, l-istess data turi li matul din is-sena ilħaqna aktar niex mill-2022 – li kienet is-sena tal-elezzjoni ġenerali.

It-tim ta’ ġurnalisti ta’ Net News baqgħu konsistenti b’kontenut ta’ kwalità, xahar wara l-ieħor. U l-istatistika li għandna turi li kienu aktar minn 1,600,000 dawk li żaru l-paġna tagħna fuq Facebook. Żdiedu wkoll bi 11 fil-mija dawk li fl-2023 żaru l-paġna tagħna fuq Instagram.

Interessanti l-fatt li fost dawk li jsegwu Net News, il-maġġoranza għandhom età taħt l-44 sena. U minn dawn, aktar minn 20 fil-mija huma żgħażagħ.

L-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir lI ħareġ f’Ottubru kien poġġa lil Net TV bħala l-iktar stazzjon privat segwit. L-istħarriġ tal-BA sar fuq ix-xhur tas-Sajf, u kkonferma li fuq medja ta’ ġimgħa Net TV qabeż l-istazzjon tal-Partit Laburista.

Dawn in-numri huma konferma anke tad-data li diġa’ kellu f’idejh Net TV – u l-avvanz kbir li sar minn Net Media kien imtenni anke mill-Awtorità tax-Xandir.

Intant, fejn jidħol stazzjonijiet tar-radju, Net FM din is-sena tela’ fit-tielet post fost l-istazzjonijiet li l-aktar huma segwiti.