Lokali Temp

Il-Gżejjer Maltin mistennija jilqgħu s-sena l-ġdida b’temp imsaħħab iżda b’temperaturi ogħla mill-medja

Il-Gżejjer Maltin mistennija jsellmu l-2023 u jilqgħu s-sena l-ġdida b’temp pjuttost imsaħħab, iżda xott u b’temperaturi aktar sħan min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.

Lejlet l-Ewwel tas-Sena, it-temp mistenni li jkun pjuttost imsaħħab b’riħ ħafif u varjabbli, ideali għal dawk li beħsiebhom jilqgħu l-2024 waqt iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali li jsiru fil-Belt Valletta, jew inkella f’ċelebrazzjonijiet oħra mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

L-ewwel jum tas-sena l-ġdida, jiġifieri nhar it-Tnejn l-1 ta’ Jannar, mistenni li jkun ukoll ikkaratterizzat minn temp ftit jew wisq imsaħħab, b’riħ ħafif min-Nofsinhar il-Lbiċ li jsir mill-Punent il-Lbiċ aktar tard matul il-jum.

It-turisti li għażlu li jqattgħu l-Ewwel tas-Sena f’Malta biex jaħarbu mill-kesħa, mhux se jkunu diżappuntati hekk kif bejn il-Ħadd u t-Tnejn, l-ogħla temperatura se titla’ sa 18°C jiġifieri 1°C aktar min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.

Matul il-lejl, it-temperatura mistennija tinżel għal 11°C. Anke jekk filgħaxija se jiffriska xi ftit, żgur li t-temperatura se tkun aktar komda minn dik tal-2014, meta ftit qabel it-tokki ta’ nofsilejl, it-temperatura kienet niżlet sa 2.8°C.

Għal dawk li qed jippjanaw li jqattgħu l-bqija tal-btajjel tal-Milied iduru mal-Gżejjer Maltin, l-ewwel jiem tas-sena mistennija jibqgħu kkaratterizzati b’temp ftit jew wisq imsaħħab iżda xott. Kemm fit-tieni u anke fit-tielet jum tas-sena, ir-riħ mistenni jitqawwa xi ftit u jsir ftit qawwi (Forza 4 għal 5) mill-Punent il-Lbiċ.

Minkejja r-riħ u t-temp imsaħħab, it-temperatura mistennija tibqa’ relattivament sħuna, bl-ogħla temperatura tvarja bejn it-18°C u l-20°C, filwaqt li l-inqas temperatura tinżel għal 13°C.