Lokali

Infrastructure Malta tfarfar fuq il-Kunsill tal-Mosta

Żvolta ġdida fis-saga tal-Pjazza tal-Mosta wara li Infrastructure Malta farfret kollox fuq il-Kunsill Lokali – immexxi minn maġġoranza Laburista.

F’post fuq il-media socjali, Infrastructure Malta ħabbret li x-xogħolijiet maġġuri fil-Pjazza tal-Mosta huma lesti – u li fadal, huwa f’idejn il-Kunsill. Bil-Gvern jagħti l-impressjoni li l-Pjazza hija lesta.

Iżda fir-realtà, l-istampa hija waħda pjuttost differenti – u l-filmati miġbuda mill-crew ta’ Net News matul il-jum tal-Ġimgħa juru b’mod l-aktar ċar li x-xogħolijiet fil-pjazza mhumiex lesti.

Dan hekk kif m’hemmx aċċess għal diversi toroq, b’uħud mill-bankini għadhom fi stat bikri filwaqt li numru ta’ traffic lights għadhom mhumiex joperaw.

Dan apparti li fil-ħin li ġew miġbuda dawn il-filmati kienu għadhom qed jitwaħħlu xi traffic lights fil-pjazza.

Dan kollu huwa turija ċara li s-Sindku Laburista tal-Mosta kiser il-wegħda li kien għamel ftit tax-xhur ilu wara li fuq il-midja soċjali sostna li x-xogħolijiet fil-Pjazza tal-Mosta kellhom ikunu lesti sal-Milied; iżda wasalna fi tmiem is-sena u x-xogħolijiet għadhom għaddejjin. Tant li anke l-istess Infrastrutrure Malta ikkonfermat li fadal dawk li sejħet “l-aħħar irtokki”.

Intant, bosta Mostin qalulna li l-pjazza qatt ma tista’ tkun kompluta wara l-isfreġju ambjentali li kien seħħ f’Novembru li għadda hekk kif is-siġar tant sinonimi ma dan il-pjazza tneżżgħu għal kollox mill-weraq biex issa wieħed jara biss zkuk. Dan apparti li diversi esperti kienu qalu li s-siġar issa se jieħdu tal-anqas 4 snin sabiex jerġgħu jiġu kif kienu.