Għalkemm is-sidien tar-ristoranti, fl-aħħar ġimgħat, irrapurtaw nuqqas fil-bejgħ u tnaqqis fl-infieq tal-kostumaturi meta għażlu li jieklu barra djarhom… fil-gurnata ta’ lejliet il-milied, fil-milied u f’boxing day, irrkupraw ftit mit-telf li batew fix-xahar ta’ Diċembru.
Dan intqal mis-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering Matthew Pace, illi f’intervista li ta lil dan l-istazzjon tkellem dwar din l-aktar ġimgħa impenjattiva għall-industrija tal-catering.
Meta kien qiegħed jiġi intervistat minn Net News, is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Catering qalilna li għalkemm il-perjodu li n-nies joħorġu jieklu barra fi żminijiet ta’ festi beda tard ħafna … in-negozju fil-ġimgħa tal-Milied tjieb.
Fl-aħħar ġranet, is-sidien tar-ristoranti kienu rrapurtaw tnaqqis ta’ 20% f’bejgħ meta kkumparat mas-sena l-oħra. Dan ifisser li għalkemm ir-ristoranti kienu mimlijin fil-maġġoranza tal-ħin, il-konsumatur nefaq ferm inqas mis-soltu. Bis-sidien tar-ristoranti jitfgħu l-ħtija kollha fuq l-għoli tal-ħajja li iktar ma jmur iktar qed tiżdied – b’detriment għall-istabbilimenti tagħhom.
Fi kliem Matthew Pace, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja tibqa’ sfida ewlenija għall-industrija tal-Catering u għakemm in-numru ta’ persuni li daħlu fir-ristoranti kien akbar mis-snin ta’ qabel, in-nefqa kienet inqas.
Dan kollu kawża taż-żiediet fil-prezzijiet tal-ikel li rajna fl-aħħar xhur, fosthom fil-prezz tal-ħalib li żdied darbtejn, il-prezz tal-ħobż, frott u ħaxix, laħam, u ikel ieħor. U kif spjegalna Matthew Pace … bla dubju li biex ir-ristoranti ma jagħmlux telf, kellhom huma wkoll iżidu l-prezzijiet tal-ikliet li jbigħu lill-klijenti tagħhom.
//= $special ?>