Ekonomija Lokali

“Is-sentiment ekonomiku mhux pożittiv daqs qabel” – il-Professur Philip von Brockdorff

Huwa evidenti l-element ta’ kawtela. Bil-Professur Philip von Brockdorff jistqarr ma’ Net News li l-ekonomija għat-tnax-il xahar li ġejjin….mhux se tkun qed tikber daqs din is-sena.

Il-Professur Von Brockdorff għadda dawn il-kummenti f’intervista li saritlu minn dan l-istazzjon wara li l-aħħar aġġornament ekonomiku illi ġie ippubblikat  mill-Bank Ċentrali ta’ Malta wera tnaqqis fis-sentiment ekonomiku. 

L-ekonomista Philip Von Brockdorff insista li mill-att ta’ investiment, jista’ jkun li naraw  tnaqqis sostanzjali fl-2024 – anka minħabba l-ftehim li ntlaħħaq riċentement dwar ir-regoli fiskali u li għandu jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla.

Dwar l-inflazzjoni,  il-professur Von Brockdorff sostna li l-għoli tal-ħajja tibqa’ sfida ewlenija f’pajjiżna għalkemm is-sena d-dieħla – l-inflazzjoni mistennija tinżel mill-livell preżenti ta’ 3.7%. Huwa rreferra għall-prezzijiet tal-ikel li baqgħu jiżdiedu ta’ kull xahar, u għaldaqstant dan ikompli jimpatta lill-konsum, wara xhur sħaħ ta’ inflazzjoni għolja.

Il-professur Van Brockdorff irrefera wkoll għall-fatt li l-Kummissjoni Ewropea indikat lill-Gvern Malti biex jibda jnaqqas is-sussidji fuq l-enerġija, li hija fost ir-raġunijiet ewlenin li qed iwasslu għaż-żieda fid-defiċit, li bħalissa jammonta għal 10 biljun ewro.