Internazzjonali

It-tellieqa lejn il-White House: L-Istat ta’ Maine jgħid ‘le’ lil Donald Trump

Is-Segretarja tal-Istat ta’ Maine, Shenna Bellows, iddeċidiet li l-eks President Amerikan Donald Trump ma jistax jikkuntesta fl-Istat tagħha għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

L-elezzjoni nazzjonali għandha ssir f’Novembru li ġej u meta Trump xorta jibqa’ il-favorit li jikkuntesta għat-Tmexxija tal-pajjiż għan-nom tal-Partit Repubblikan.

Bellows, li hi anki l-ogħla uffiċjal elettorali fl-Istat  ta’ Maine, irreferiet għal klawżola fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż li titratta sitwazzjonijiet ta’ rewwixta bis-sehem potenzjali tal-kandidati għall-Presidenza.

Fl-istess ħin, hi spjegat li Trump ‘mhux eliġibbli li jikkuntesta’ minħabba l-azzjonijiet tiegħu qabel l-irvell storiku tal-2021 fil-Capitol ta’ Washington fejn is-sostenituri tal-eks President ħolqu kaos u tensjoni kbira f’ċirkustanzi li wasslu wkoll għall-imwiet.

Għaldaqstant, l-Istat ta’ Maine sar it-tieni Stat Amerikan, wara Kolorado, li projbixxa lil Trump milli jikkuntesta mill-ġdid għat-tmexxija ta’ pajjiżu.

Fl-istess ħin, id-deċiżjonijiet qed iżidu l-pressjoni għal intervent min-naħa tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti.

Intant, l-attivisti li qed imexxu l-kampanja Presidenzjali ta’ Donald Trump beħsiebhom jappellaw formalment kontra d-deċiżjoni ta’ Bellows fil-qrati ta’ Maine – u meta l-projbizzjoni mgħandhix tidħol fis-seħħ fiż-żmien kollu li jibqa’ għaddej il-proċess legali.