Sport Waterpolo

It-tielet sessjoni tagħmel id-differenza bejn Malta u Franza

Stewart Said

MALTA…………….. 11

FRANZA………….. 15

(3-3), (3-3), (1-5), (4-4)

It-tielet sessjoni kienet detrimentali għat-tim nazzjonali fit-tieni konfront mit-tournament SportMalta Christmas Cup. Għal ħafna mil-logħba, il-plejers Maltin ma urew l-ebda inferjorità iżda finalment kienet il-kwalità superjuri li għamlet id-differenza.

Wieħed ma jistax ikejjel il-prestazzjoni ma’ dik fil-logħba kontra l-Italja minħabba d-differenza fil-kwalità tal-avversarji. Biss però, it-tim Malti kellu prestazzjoni sodisfaċenti għalkemm il-kollass li t-tim kellu fit-tielet sessjoni hu punt interrogattiv għal Milan Cirovic. Id-distakk finali f’din il-logħba hu inqas mit-telfa ta’ 15-8 li t-tim Malti kien sofra kontra Franza fl-aħħar Kampjonat Ewropew is-sena li għaddiet.

Il-kowċ Montenegrin għamel erba’ bidliet mill-ewwel logħba. Gianni Farrugia, Jerome Zerafa Gregory, Matthew Bonello DuPuis u Jake Bonavia kienu nklużi fl-iskwadra minflok Alec Fenech, Jeremy Abela, Benji Busuttil u Jake Cachia rispettivament.

Bidu tajjeb għat-tim Malti li lagħab daqs l-avversarji fl-ewwel sessjoni, minkejja li qatt ma kien fil-vantaġġ. Jake Muscat minn penalty, Sam Gialanze minn man-up u Jayden Cutajar f’azzjoni brillanti wieġbu wara l-gowls ta’ Franza.

It-tim immexxi minn Florian Bruzzo ħareġ aħjar fit-tieni sessjoni u meritatament ħa vantaġġ ta’ 5-3. Madankollu r-reazzjoni Maltija kienet aħjar u wasslet biex għall-ewwel darba l-Maltin marru fil-vantaġġ. Doppjetta ta’ Jake Muscat u gowl bejniethom minn penalty ta’ Jayden Cutajar dawru r-riżultat sakemmUgo Crousillat ġab id-draw minn penalty.

It-tielet sessjoni kienet storja oħra. Franza għolliet il-livell tal-prestazzjoni u ħadet kontroll tal-logħba.Doppjetti ta’ Michael Bodegas u Ugo Crousillat flimkien ma’ gowl minn Thomas Vernoux taw vantaġġ komdu ta’ 11-6. Liam Galea naqqas id-distakk.

Bi Franza tnaqqas ftit l-intensità, it-tim Malti wettaq reazzjoni u f’mument minnhom saħansitra naqqas id-distakk għal 12-10 wara gowls konsekuttivi ta’ Nikolai Zammit u Liam Galea. Il-Franċiżi neħħew kull possibbiltà ta’ rimonta Maltija u ssiġillaw ir-rebħa b’gowl fl-aħħar azzjoni.

Malta: J. Tanti, G. Farrugia, L. Galea (2), M. Castillo, S. Gialanze (1), B. Plumpton (1), J. Muscat(4), J. Cutajar (2), J. Zerafa Gregory, N. Zammit (1), D. Zammit, N. Bugelli, M. Bonello DuPuis, M. Azzopardi, J. Bonavia

Franza: A. Hovhannisyan, R. Saudadier, U. Crousillat (3), A. Bouet (3), E. Nardon, T. Vernoux(3), D. Zivkovic, E. Bjorch, M. Marzouki, M. Bodegas (4), P. Van Peperstraete (1), A. De Nardi, H. Fontani, C. Canonne, R. Marion Vernoux (1)

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari