Internazzjonali

L-Ukrajna: Burraxka ta’ attakki minn tarf sa tarf tal-pajjiż

Il-qawwiet tar-Russja wettqu l-akbar mewġa ta’ attakki fuq l-ibliet u diversi zoni tal-Ukrajna  għal dawn l-aħħar xhur – u bir-riżultat li nqatlu talanqas tletin, b’għexieren jisfaw midruba.

L-attakki huma sinifikanti għaliex qatt qabel – f’azzjoni waħda — ma kien hemm konċentrazzjoni hekk kbira ta’ bumbardamenti fuq diversi lokalitajiet tal-Ukrajna.

Fil-fatt, ir-Russi sparaw numru kbir ta’ missili minbarra 160 drone lejn il-miri speċifiċi, bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, itenni li l-qawwiet tal-Kremlin użaw kull armament għad-dispożizzjoni tagħhom bħala parti minn strateġija tal-gwerra ġdida u aktar intensiva.

Il-mewġa tal-attakki ħalliet impatt tul ħafna bliet fir-reġjuni diversi tal-Ukrajna –bl-ibliet li ġarrbu l-agħar effetti tal-missili jinkludu l-kapitali Kiev, il-belt ta’ Lviv, lejn il-Punent tal-pajjiż; l-ibliet ta’ Odesa u Zaporizhzhia fir-reġjun tan-Nofsinar kif ukoll Dnipro u Kharkiv – l-ibliet ewlenin tal-Lvant.

Sadanittant, il-President Zelensky u l-Gvern tiegħu mill-ġdid ikkundannaw lir-Russi dwar reati ġodda tal-gwerra.

Dan meta l-missili u d-drones tal-qawwiet Russi reġgħu laqtu lill-bini u faċilitajiet taċ-ċivili bl-ibliet partikulari – b’xita ta’ rokits jaqgħu, fost oħrajn, fuq kumpless tal-maternità li jifforma parti minn sptar  kif ukoll fuq diversi faċilitajiet edukattivi.

Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Ukrajna, Bridget Brink, bagħtet messaġġ fuq il-media soċjali b’appell biex l-Ukrajna tkompli tingħata l-fondi biex tirreżisti aħjar lir-Russja. Hi saħqet li l-gwerra f’dan il-pajjiż qed tibbaża prattikament fuq il-libertà ta’ poplu – u meta fin-nofs hemm anki l-istabbilità tal-Ewropa.

Dan wara li l-Kungress Amerikan ma rnexxilux jgħaddi pakkett ta’ fondi – ekwivalenti għal 61 biljun dollaru – għall-Ukrajna wara xhur ta’ battibekki bejn id-Demokratiċi fil-Gvern u r-Repubblikani.

Il-fondi inkwistjoni huma kruċjali għall-Ukrajna u bl-aħħar żviluppi jiġġeneraw id-dubji dwar kemm l-Ukreni jistgħu jkomplu jirreżistu lill-qawwiet Russi b’mod effettiv matul is-sena d-dieħla.