Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed jibgħat 25 mine detector lill-poplu Ukren, li bħalissa jinsab fi gwerra.
Din se tkun it-tieni darba f’sena li d-Dipartiment se jkun qed jibgħat għajnuna lill-Ukrajna wara li f’Jannar li għadda kien bagħat generators lill-istess pajjiż – apparti għajnuniet oħra li intbagħtu matul din is-sena lit-Turkija, is-Sirja, il-Greċja u l-Libja.
Din id-donazzjoni ta’ mine detectors qed issir bħala parti mill-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropeja tal-Protezzjoni Ċivili, li Malta tagħmel parti minnu. Fil-fatt dawn id-detectors se jkunu qed jintużaw f’żoni ristretti tal-Ukrajna.
Ic-Chief Assistance Rescue Officer tas-CPD, Fredrick Sammut, spjega li dawn il-mine detectors se jkunu qed jintużaw mill-poplu Ukren biex ikun żgurat li l-art hija waħda sigura u ma hemmx perikli.
Il-preżentazzjoni ta’ din l-għajnuna umanitarja saret mid-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, u d-Direttur tal-Operat fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili Anthony Pisani.
//= $special ?>