Lokali Saħħa

Pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei minħabba “influss kbir ta’ pazjenti”

Nuqqas ta’ sodod, nies jistennew jiem sħaħ l-isptar sabiex jiġu operati, kurituri jew saħansitra librerija jinbidlu f’wards, nies jistennew tal-anqas 10 sigħat fl-emerġenza sabiex jinqdew.

Din hija s-sitwazzjoni inkwetanti għall-aħħar li żviluppat fl-isptar Mater Dei hekk kif kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni numru kbir ta’ pazjenti qed idumu sigħat jew saħansitra jiem sabiex jieħdu l-kura neċessarja.

F’artiklu ippubblikat mill-ġurnal ‘Times of Malta’ intqal li pazjenti li għandhom ksur qed iqattgħu tal-anqas tlett ijiem jistennew sabiex ikunu operati; dan kollu kaġun ta’ nuqqas kbir ta’ sodod għaliex l-isptar jinsab iffullat u wasal f’punt fejn kellu juża l-istretchers tal-ambulanza; u bl-ambulanzi ma jkunux disponibbli għal xi ħin.

Barra minn hekk, numru ta’ ħaddiema qalu li diversi żoni fl-isptar kellhom jinbidlu f’wards hekk kif is-swali tal-isptar huma mimlijin.

Il-librerija u numru ta’ kurituri spiċċaw inbidlu f’wards. Dan filwaqt li xhur ilu sorsi żvelaw li anke l-canteen tal-ħaddiema kien inbidel f’sala tal-pazjenti – iżda jidher li preżentament għaddejjin xi xogħolijiet u mhux qed jaċċettaw pazjenti, lanqas hemmhekk.

Minn naħa l-oħra skont dan l-artiklu, kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa ċaħad għall-aħħar li żoni fl-isptar Mater Dei inbidlu f’wards filwaqt li qal li s-sodod li hemm aċċessibli qegħdin jintużaw.

Iżda ir-realtà hi, li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei sejra mill-ħażin għall-agħar – għaliex is-swali kienu overcroweded aktar mis-soltu bil-pazjenti.

Intqal ukoll li bħalissa fl-isptar Mater Dei qed jidħlu madwar 150 pazjent kuljum; bl-isptar ma jiflaħx għal dan l-influss kbir ta’ pesruni – li hu riżultat tal-politika tal-Gvern li splodiet il-popolazzjoni bla pjan.

Din l-isplużjoni fil-popolazzjoni qed taffettwa l-wards kollha, bil-ġurnal jagħmel referenza għall-storja ta’ Net News wara li jumejn ilu żvelajna li n-nisa tqal qed jintbagħatu d-dar u qed jiddaħħlu l-isptar fl-aħħar minuta possibbli – xi ħaġa li l-Gvern ma ċaħadiex.