Lokali

Arrestati wara li serqu kartiera minn vettura waqt li kien hemm is-sewwieq fiha

Żagħżugħa ta’ 29 sena minn Bormla u raġel ta’ 37 minn Birżebbuġa ġew arrestati ftit tal-ħin biss wara li allegatament serqu minn vettura fil-Marsa.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tmienja tal-Ġimgħa filgħaxija meta raġel ta’ 32 sena minn Birkirkara għamel rapport mal-Pulizija fejn spjega li waqt li kien fi Triq is-Salib tal-Marsa, avviċinawh mara u raġel, bil-mara titolbu xi flus.

Huwa spjega magħhom li ż-żagħżugħa daħlitlu fil-karozza u serqitlu l-kartieta, waqt li r-raġel tah daqtejn ta’ sieq fuq il-vettura u wara ħarbu minn fuq il-post.

Minnufih il-Pulizija bdiet tfittxija għaż-żewġ suspettati, u ftit tal-ħin wara l-ewwel ma nstabet il-mara fi Triq is-Sajjied fil-marsa…u aktar tard ġie arrestat r-raġel li kien f’ħanut fil-qrib.

Iż-żewġ persuni qed jinżammu taħt arrest, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.