Tul il-jum tal-Ħadd, il-Presdent ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu Miriam Vella laqgħu lill-pubbliku ġenerali għall-iskambju tal-awguri tal-aħħar tas-sena.
F’dak li qed jitqies bħala dak li suppost għandu jkun l-aħħar Milied tiegħu f’din il-kariga, George Vella laqgħa l-pubbliku fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta għall-iskambju tal-awguri tagħhom għal bidu tas-sena l-gdida.
Diversi persuni laqgħu din l-istedina, u kellhom l-opportunita’ li jitkellmu personalment mal-President, opportunità li ma tiġix b’mod frekwenti.
F’kumment ma’ Net News, il-President Vella ukoll għadda messaġġ għas-sena l-ġdida, u fih sostna li jixtieq li fis-sena l-ġdida l-poplu Malti u Għawdxi jkollu sena mimlija paċi, għaqda, prosperita’, u saħħa.

Intant, it-terminu tal-President George Vella mistenni jintemm proprju f’April tas-sena d-dieħla, hekk kif jintemmlu t-terminu ta’ ħames snin minn meta ħa s-suċċessjoni tiegħu ta’ President tar-Repubblika mingħand Marie Louise Coleiro Preca.
Madanakollu jidher li sal-lum, id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar min jista’ jokkupa din il-kariga għadhom ma bdewx.


