Lokali

“Johann Grech jibqa’ jemmen li hu awtorità assoluta” – PN

Jiem wara li l-Partit Nazzjonalista wera t-tħassib serju tiegħu għaliex il-produtturi Maltin u l-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-industrija tal-films ma ġewx ikkonsultati qabel ma kienu imposti fuqhom regolamenti vvinatati mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech, l-istess Grech, li jemmen li hu l-Ministru u l-awtorità assoluta fis-settur, baqa’ ma ta l-ebda spjegazzjoni għal dan.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif dan is-settur mhux xi wieħed ta’ ‘one size fits all’ u għalhekk, hemm bżonn ‘Wage Regulation Order’ li tindirizza l-flessibbiltà meħtieġa biex ikunu protetti kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll id-diversi standards tax-xogħol tas-settur.

Iżda minkejja dan, Johann Grech baqa’ jimponi fuq il-produtturi tal-films regolamenti ġodda għas-settur b’email u mingħajr ebda konsultazzjoni, b’nuqqas ta’ rispett lejn l-istess produtturi u l-unions li jirrappreżentawhom.

Dan ikompli jikkonferma kemm Johann Grech ma jaf xejn dwar din l-industrija tant importanti għal pajjiżna u aktar moħħu biex isiefer, juri wiċċu f’xi intervista jew jippoża ma’ xi dinosawru. U dan kollu minn fondi pubbliċi.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistaqsi jekk il-Kummissjoni tal-Films ikkonsultatx mad-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) dwar dan ir-rigward qabel ma ħarġet dawn ir-regolamenti, kif ukoll kif se ssir l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet bejn il-crew lokali u oħrajn li għandhom kuntratti differenti barra l-pajjiż u jekk, wara kollox, jagħmlux sens fid-dawl ta’ dan kollu dawn il-“pledges”.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’azzjoni se jieħu d-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali dwar dan kollu.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti li l-persuni li jaħdmu fl-industrija tal-films f’pajjiżna, propju għax xogħolhom jitlob bżonnijiet partikolari u mhux xogħol li jsegwi xejriet standard bħal ħafna impjiegi oħrajn, li tiddaħħal ‘Wage Regulation Order’ għal dan is-settur li tissalvagwardja u ssaħħaħ aktar lil ħaddiema fil-‘creative businesses’ biex jaħdmu, filwaqt li tiżgura li d-drittijiet tagħhom ikunu protetti u jkunu evitati kull tip ta lakuni li jeżistu bħalissa.

Possibbli li dan hu l-aħjar li l-Gvern jista’ jagħmel bir-riżorsi kollha li ghandu, għall-ħaddiema li l-għajxien tagħhom jiddependi minn din l-industrija?

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li biex ikollna verament Malta ġusta, anke fl-industrija tal-films, għandu jkun hemm konsultazzjoni serja, trasparenza, inklużjoni, xogħol garantit lill-ħaddiema, inċentivi lil min ħaqqu u sostenn lejn il-ħaddiema kollha f’dan is-settur, filwaqt li jkun żgurat li dan is-settur jikber u jibqa’ attraenti għal investituri serji.

Il-Partit Nazzjonalista jipproponi li dawn il-“pledges” jiġu skrappjati u l-Kummissarju jagħmel dak li kellu jagħmel mill-bidu: konsultazzjoni miftuħa mal-istakeholders u jimplimenta WRO għall-industrija fl-aħjar interess ta’ kulħadd. Dan juri l-idejn amatorjali li tinsab fiha din l-industrija tant importanti.

Dan kollu intqal fi stqarrija maħruġa mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Julie Zahra u Ivan Castillo.