Għal tul ta’ żmien, id-diversi vittmi li mietu f’siti ta’ kostruzzjoni ġew minsija, u saru biss numri. Iżda kien hemm omm li rrifjutat li binha jsir biss numru ieħor fl-istatistika.
Isabelle Bonnici uriet lil poplu sħiħ kemm l-imħabba tal-omm hi b’saħħitha.
L-editur tat-Times din il-ġimgħa, fisser kif wara li Jean Paul Sofia tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ta’Kordin f’Diċembru tal-2022, Isabelle Bonnici kienet determinata li binha ma jiġix minsi bħal kull vittma ieħor; u riedet iġġib ġustizzja għal binha, kif ukoll tagħmel li tista’ sabiex dak li ġara lil binha ma jerġax jiġri.
Isabelle Bonnici saret ispirazzjoni għall-pajjiż kollu, kif ukoll katalista għall-bidla. Hi ma kellha ebda aspirazzjoni pubblika, iżda għamlet kollox b’imħabba għal binha. U saret wiċċ il-ġustizzja għall-vittmi tal-kostruzzjoni; tant li iġġieldet sabiex min għandu tort jerfa’ responsabbiltà.
Hi ltaqat ma diversi politiċi u attivisti sabiex jingħaqdu magħha fil-ġlieda għall-ġustizzja, kif ukoll stiednet il-media fid-dar tagħha stess biex tispjega għala inkjesta pubblika hi neċessarja… l-istess inkjesta pubblika li il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista ivvutaw kontra… dan meta hi kienet waħedha quddiem il-Parlament b’tama li forsi l-Gvern jagħmel l-għażla t-tajba. Iżda dakinhar, għażel li jivvota kontra il-mozzjoni imressqa mill-PN.
Kien f’dan il-punt meta Isabelle Bonnici ma baqgħetx waħedha. Hi kompliet tiġġieled, u magħha, poplu sħiħ ingħaqad warajha meta sejħet velja sabiex il-Gvern ibiddel id-deċiżjoni tiegħu.
U wara li eluf ta’ Maltin ingħaqdu magħha quddiem Kastilja, il-Prim Ministru għamel u-turn u spicca xorta kellu jsejjaħ inkjesta pubblika – għalkemm staħa juża dan il-kliem; u sejħilha “inkjesta amministrattiva”.
Minkejja li l-Prim Ministru sostna li l-inkjesta maġisterjali kienet biżżejjed, l-inkjesta pubblika uriet kemm Bonnici kellha raġun… tant li diġa’ ħarġu diversi nuqqasijiet li hemm fl-industrija tal-bini.
It-Times tgħid illi l-istorja ta’ Isabelle Bonnici turi kemm hi importanti li titkellem kontra l-inġustizzji u li tibqa’ reżiljenti, u li anke persuna waħedha tista’ tkun katalista għal bidla.
Din l-istorja ta-reżiljenza hi r-raġuni għaliex it-Times of Malta għażlet lil Isabelle Bonnici bħala l-persuna tas-sena tal-2023. Hi wriet kif l-imħabba ta’ omm tirbaħ fuq kull ħaġa oħra, u timbuttak sabiex tagħmel affarijiet li qatt ma ħsibt li tagħmel, speċjalment fl-iżjed mumenti diffiċli f’ħajtek.
//= $special ?>