Sport Waterpolo

Prestazzjoni diżappuntanti fl-aħħar konfront qabel il-Kampjonat Ewropew

Nikolai Zammit b'tentattiv lejn il-lasta tal-Olanda (Ritratt: Timmy Cutugno)

Stewart Said

MALTA…………… 7

OLANDA……….. 22

(1-5), (4-6), (2-5), (0-6)

It-tim nazzjonali Malta sofra telfa kbira lejliet l-impenji fil-Kampjonat Ewropew. Għalkemm dan it-tournament kien utli fil-preparazzjoni tat-tim Malti, żgur ma kienx maħsub li fl-aħħar logħba tasal telfa daqshekk kbira.

Il-kowċ ta’ Malta Milan Cirovic kompla jagħti l-ispazju lill-plejers fit-tim madankollu ma kienx hemm il-kompattezza u l-aggressività neċessarja. L-avversarji huma ftit aħjar fuq il-karta madankollu, il-logħba tagħhom ġiet aktar faċli.

Mil-logħba kontra Franza, reġgħu ġew inklużi fl-iskwadra Alec Fenech, Jeremy Abela, Benji Busuttil u Jake Cachia filwaqt li kienu assenti Mark Castillo, Jayden Cutajar, Ben Plumpton u Matthew Bonello Dupuis.

L-Olandiżi kellhom bżonn biss ftit sekondi biex fetħu l-iskor permezz ta’ Bilal Gbadamassi sakemm Liam Galea ġab id-draw mis-centre. Madankollu numru ta’ żbalji fl-attakk u disattenzjoni fid-difiża wasslu biex l-Olandiżi fetħu dsitakk ta’ 5-1.

Fit-tieni sessjoni t-tim Malti qasam aktar il-logħob mal-avversarji għalkemm id-distakk baqa’ jikber. Il-plejers Maltin irnexxielhom jiskorjaw f’żewġ okkażjonijiet minn tlieta ta’ superjorità numerika u f’mument id-distakk kien ta’ 8-5. Kienu tliet gowls konsekuttivi tal-Olanda li kabbru d-distakk għal sitt gowls.

Ir-reazzjoni Maltija baqgħet ma waslet qatt bl-Olandiżi jkomplu jkabbru l-iskor u jtejbu r-rekord personali ta’ gowls minn man-ups. Għal Malta f’din is-sessjoni skorjaw Jake Muscat u Jake Cachia li kienu naqqsu d-distakk parzjalment għal 14-7. Tom De Weerd u Guus Van Ijperen komplew iżidu l-vantaġġ.

L-aħħar sessjoni ma kinitx eċċezzjoni għad-dominju tal-Olanda b’sitt gowls mingħajr risposta skorja fosthom doppjetta lejn it-tmiem ta’ Mart Van der Weijden.

Il-Kampjonat Ewropew li se jsir fil-Kroazja se jintlagħab bejn l-4 u s-16 ta’ Jannar. Malta tinsab fil-grupp mas-Serbja, il-Ġermanja u Iżrael.

Malta: J. Tanti, A. Fenech, L. Galea (1), J. Zerafa Gregory, S. Gialanze, G. Farrugia, J. Muscat (2), J. Bonavia, J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit, N. Bugelli (1), B. Busuttil, M. Azzopardi (1), J. Cachia (1)

Olanda: T. Huijsmans, B. Gbadamassi (2), J. Rouwenhorst, F. Kastrop, G. Van Ijperen (3), T. De Mey (2), K. Te Riele (4), J. Nispelling, J. Muller, T. De Weerd (4), J. Koopman, L. Ten Broek (5), J. Westerveld, S. Van den Burg, M. Van der Weijden (2)

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari