Li l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna taħt Gvern Laburista jaqla’ baraxx ta’ kritika mhix xi ħaġa ġdida – bl-Isptar Mater Dei għarkupptejh, pazjenti rikoverati fi swali li sa ftit tax-xhur ilu kienu canteen tal-ħaddiema u librerija. Pazjenti rikoverati fi swali taħt l-art mingħajr tieqa. Ħaddiema mixħutin għal riħhom taħt il-piż tal-istess, l-ansjetà u l-għejja.
Settur li matul l-2023, il-Gvern tal-Labour tant tah bis-sieq li saħansitra kien lest iħalli t-tlett sptarijiet ta’ San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u Karin Grech…f’idejn il-barrani; minkejja li kien konxju li l-kuntratti li daħal fihom kienu frawdolenti; minkejja li huwa stess kien f’kollużżjoni ma’ Vitals u Steward.
Gvern Laburista li ilu snin iwiegħed sptar ġdid għal kura psikjatrika akuta… sptar li għadu biss fuq il-pjanti. Matul dan l-aħħar deċennju ta’ Gvern tal-Labour bosta kienu ir-rapporti u aħbarijiet xejn pjaċevoli li rnexxielhom joħorġu mill-kuriduri tal-Isptar Monte Carmeli. Biex issa kien imiss aħbar oħra illi turi l-kundizzjonijiet li dawn il-persuni jinsabu fihom…tant li l-Laburisti stess spiċċaw iduru għal xulxin.
Neville Gafà, eks uffiċjal f’Kastilja mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ jattakka l-Ministeru għas-Saħħa pubblikament fuq il-midja soċjali fejn staqsa kif jista’ jkun possibbli li mhux kapaċi jirranġaw għadd ta’ liftijiet bil-ħsara fl-isptar psikjatriku.
Dan hekk kif saħaq li f’Monte Carmeli hemm numru ta’ liftijiet li ilhom xhur sħaħ bil-ħsara – musmar ieħor fuq is-sitwazzjoni tal-biki li l-pazjenti u qrabathom jinsabu fiha.
Neville Gafa ippubblika ritratt illi jikkonferma li l-liftijiet jinsabu weqfin. Dan filwaqt illi insista li l-pazjenti li għandhom diżabilità spiċċaw maqfula fis-swali u lanqas jistgħu jinżlu fil-ġnien għal ftit arja friska; filwaqt li qraba anzjani litteralment ma jifilħux jimxu u qed ikollhom jitilgħu sulari ta’ taraġ.
Għaldaqstant Gafà staqsa lill-awtoritajiet tas-Saħħa jekk jiċħdux li l-liftijiet ilhomx xhur wieqfa u min huwa responsabbli wara dan kollu?
Huwa fakkar lill-awtoritajiet li filwaqt min hu responsabbli jinsab kuntent għall-btajjel tal-Milied, dawn il-pazjenti u qraba jinsabu għaddejjin min kalvarju sħiħ.
