Internazzjonali Lokali

“Fl-2024 l-għażla f’idejk bil-vot tiegħek” – Roberta Metsola

“Is-sena 2024 se tkunu waħda deċiżiva għall-Ewropa… għalhekk il-vot tiegħek jista’ jagħmel id-differenza.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola fil-messaġġ tagħha għas-sena l-ġdida lill-popli Ewropej li xxandar madwar l-Ewropa, inkluż fuq Net Television,

Roberta Metsola saħqet li s-sena 2024 se tkun sena deċiżiva… sena fejn f’Ġunju, il-poplu Malti u Għawdxi għandu ċ-ċans li jiddeċiedi id-direzzjoni li jrid jagħti lill-Ewropa.

Il-President Metsola, li ttemm il-kariga tagħha fit-tmun tal-Parlament Ewropew mal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, qalet li fl-aħħar snin l-Ewropa għamlet passi kbar ‘il quddiem.

L-MEP Maltija irrimarkat li bħalissa d-dinja għaddejja minn bidliet kbar, b’Malta mhux inqas. Għalhekk, saħqet li trid tibqa taħdem biex Malta u l-Ewropa tkun aktar ġusta u sikura, kif jixtiequ ċittadini mħassba minn dak li għaddew minnu fl-aħħar xhur.

Roberta Metsola għamlet referenza għal żgħażagħ li iltaqgħet magħhom fl-aħħar xhur u qalet li jeħtieġ li jkollna soċjetà aktar ugwali, fejn kulħadd ikollu iċ-ċans li jilħaq il-potenzjal tiegħu, hu min hu, ġej minn fejn ġej.

Hija qalet li l-Ewropa jeħtieġ tkun fuq quddiem nett biex taħtaf l-opportunitajiet li toffri it-teknoloġija filwaqt li jkun hemm kuxjenza ambjentali akbar.

Il-President tal-Parlament Ewropew temmet il-messaġġ tagħha b’appell… li l-Ewropa għandha bżonn lil kulħadd.