Lokali

Ftit sigħat biss ‘il bogħod mill-bidu tas-sena l-ġdida

Analiżi minn Joe Mikallef

Ninsabu issa tassew ftit sigħat biss lil hinn minn bidu ta’ sena ġdida… l-2024. Naturalment ħafna jagħmlu l-antiċipazzjonijiet tagħhom. Jippruvaw jaqtgħu x’hemm għalihom u għalina tul it-tnax-il xahar li ġejjin.
Mhux faċli tbassar il-futur. Mhux faċli tantiċipa x’hemm imħejji għalina. Naturalment ċerti affarijiet nistgħu nantiċipawhom għaliex huma fatti magħrufa. Bħal ngħidu aħna t-tmiem tal-Presidenza Maltija George Vella biex minfloku l-Presidenza tgħaddi għand xi persuna oħra.

Fil-fatt diġà bdew jissemmew ismijiet li potenzjalment jistgħu jingħataw din il-kariga ferm importanti fil-Kostituzzjoni Maltija. Kariga li jalla ssib l-appoġġ tal-Kamra tar-Rappreżentanti kollha. Kariga li jalla ssib ukoll l-appoġġ tal-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex irwol ferm importanti li għandu min ikun President ta’ Malta hu dak li jgħaqqad.

1 ta’ Jannar tal-2024

Iżda nistgħu pereżempju nantiċipaw li minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024 se jkunu qegħdin jiddaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li sa seba’ snin oħra l-emissjonijiet jonqsu b’55 fil-mija. Dan se jwassal, fost oħrajn, biex tkun introdotta taxxa ġdida għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li jpattu għall-emissjonijiet tagħhom.

Fil-fatt minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024, il-vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5,000 u aktar, li jivvjaġġaw minn u lejn portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, se jkunu meħtieġa li jixtru u jċedu kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra applikabbli tal-ETS fuq bażi annwali.

Dan il-fatt – u bir-raġun kollu – qiegħed iqanqal ċertu tħassib fost il-ħaddiema tal-Port Ħieles Malti għaliex kemm-il darba jonqsilhom ix-xogħol, allura jonqsilhom ukoll id-dħul tagħhom. Naturalment dan hu suġġett mill-aktar sensittiv li dwaru rridu naraw aktar matul il-ġimgħat li ġejjin hekk kif jibdew jiżviluppaw l-effetti kaġun ta’ dawn il-liġijiet u regolamenti ġodda mdaħħla fl-Unjoni Ewropea anki bis-sehem ta’ vot favur minn Ewroparamentari Laburisti Maltin.

1 ta’ Jannar tal-2024

Minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024 Malta mistennija tieħu l-Presidenza tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

B’hekk Malta se tkompli tkun vuċi b’saħħitha fil-fora internazzjonali. Dan ukoll jingħaqad mal-fatt li Malta kienet ivvutata b’maġġoranza kbira ħafna biex tkun membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. 

Id-deċiżjoni li Malta tassumi l-Presidenza tal-OSCE fl-2024, ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kunsill Permanenti tal-OSCE, li rrakkomanda wkoll lill-Gvernijiet tas-57 pajjiż biex japprovaw formalment il-ħatra ta’ Malta. 

Il-Presidenza tal-OSCE hi funzjoni importanti minħabba primarjament ir-responsabiltà li ġġorr biex tiggwida u tiffaċilita n-negozjati bejn is-57 membru tal-OSCE u tgħin biex jintlaħaq kunsens bejniethom.

1 ta’ Jannar tal-2024

Mill-bidu tas-sena d-dieħla se jidħlu fis-seħħ il-kwoti tas-sajd għall-2023 wara li l-pajjiżi Ewropej laħqu ftehim fuq il-kwoti tas-sajd, b’attenzjoni partikolari fuq il-qbdi tal-lampuki u dan jinteressa mill-qrib ferm lill-industrija Maltija.

Il-ftehim intlaħaq wara li l-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd iltaqa’ fi Brussell aktar kmieni dan ix-xahar fejn l-iskop ta’ dawn il-kwoti hu li mhux biss jippreservaw il-bilanċ ekoloġiku tal-lampuki iżda jiżguraw li s-sajjieda lokali jkollhom opportunitajiet favorevoli.

Mill-11 ta’ Jannar tal-2024

Festivals Malta ttella’ s-siparju fuq  l-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-Valletta International Baroque Festival li se joffri l-opportunità li dak li jkun jisma’ artisti tal-mużika Barokk ta’ klassi dinjija f’atmosfera storika normalment mimlija b’udjenza lokali u internazzjonali.

Wieħed mill-palkijiet ewlenin tal-Festival huwa t-Teatru Manoel, l-eqdem teatru operattiv tad-dinja, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, u l-Mużew Arkeoloġiku tal-Belt Valletta huma biss ftit mill-postijiet affaxxinanti li tista’ żżur.

Il-Valletta International Baroque Festival joffri lill-pubbliku festa ta’ mużika b’wirjiet mill-isbaħ li jvarjaw minn Bach sa Vivaldi u aktar.

Mid-9 ta’ Frar tal-2024

Il-Karnival Malti jara l-bidu tiegħu nhar id-9 ta’ Frar tal-2024. Fesitval Matla tgħid li filwaqt lir-rebbiegħa hi ż-żmien għall-karnival allura dawk kollha li se jkunu qegħdin ifittxu festa mill-aqwa m’għandhomx jitilfu l-appuntament mal-Karnival Malti u Għawdxi.

Iċ-ċentru tal-festi huwa l-Belt Valletta, iżda hemm ċelebrazzjonijiet simili fi bliet żgħar… inkluż dak spontanju fin-Nadur. Madwar il-gżira, issib nies bil-kostumi mlewna jistennew il-parata grandjuża.

24 ta’ Frar tal-2024

Il-festa liturġika ta’ San Pawl Missierna tkun iċċelebratha fl-24 ta’ Frar. L-Għaqda tal-Pawlini flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ddedikata lil San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta, fil-fatt ħabbru li s-sena d-dieħla l-festa ddedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl, se tiġi ċċelebrata nhar is-Sibt, 24 ta’ Frar. Dan minħabba ċaqlieq li jseħħ minn żmien għal żmien fil-kalendarju tal-Knisja.

Dakinhar il-programm jiftaħ bil-Quddiesa Pontfikali ppreseduta minn TMonsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna flimkien mal-Kapitlu fid-9:30 ta’ filgħodu u jissokta matul il-jum.

Marzu tal-2024

Kollox jindika li l-Gvern Laburista se jkun qiegħed jipposponi b’ta’ mill-inqas xahrejn l-introduzzjoni tal-iskills cards fil-gżejjer Maltin… jiġifieri minn Jannar meta kien wiegħed li se tiddaħħal għal Marzu li ġej.

L-introduzzjoni tal-iskills card għall-ħaddiema barranin f’Malta se ssir mandatorja għall-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. Fl-2025, din is-sistema se ssir mandatorja wkoll għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea u anke dawk Maltin.

Fid-dawl tan-numru kbir ta’ ħaddiema barranin fis-settur tal-ospitalità, il-Gvern qiegħed jgħid li din il-card se ssir mandatorja għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li japplikaw għall-visa biex jaħdmu f’Malta. Dawn il-ħaddiema jridu isegwu kors online ta’ taħriġ u wara joqogħdu għal assessjar fil-ħiliet tagħhom.

Mill-24 ta’ Marzu tal-2024

Mill-ġimgħa li tibda fil-24 ta’ Marzu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet magħrufa bħala l-Ġimgħa Mqaddsa li jilħqu l-qofol tagħhom bl-Għid il-Kbir li f’pajjiżna hu ċċelebrat bil-kbir. Il-knejjes ikunu mżejna b’mod għani u mixgħula bil-lejl.

Naturalment fil-jiem ta’ qabel dawk kollha li jħobbu dawn il-festi m’għandhom jitilfu l-purċissjonijiet mill-isbaħ u tradizzjonali tal-Knisja fil-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-lokalitajiet fejn isiru l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jieħdu sehem għadd kbir ta’ Maltin u Għawdxin li jipparteċipaw b’ilbies u b’xeni bibliċi bil-kostumi.

30 ta’ Marzu tal-2024

Tħabbar u għalhekk nistennew li b’dispjaċir kbir dan iseħħ li fit-30 ta’ Marzu tal-2024 jinżel is-siparju fuq il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta li ilha taqdi lil pajjiżna għal dawn l-aħħar ħamsin sena.

Dan biex mill-għada jitla’ s-siparju fuq il-kumpanija l-ġdida – KM Malta Airlines plc.

Filwaqt li l-linja tal-ajru ġdida mistennija tkompli fil-passi tal-Air Malta, minkejja li fuq skala iżgħar, il-Gvern se jkun qiegħed jassorbi t-telf ta’ €356 miljun li akkumulat il-linja nazzjonali tal-ajru matul is-snin.

Din il-bidla storika tal-‘qtil’ tal-Air Malta u l-bidu ta’ kumpanija nazzjonali ġdida tal-ajru se jkun qed isir wara li l-Gvern laħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-bidla għal-linja nazzjonali ġdida wara li ma kienx approvat il-pjan ta’ għajnuna statali ta’ €290 miljun għall-kumpanija.

Ilkoll naqblu li fl-aħħar għaxar snin ta’ Gvern Laburista, l-istess Gvern Laburista rnexxielu jfarrak lil-linja nazzjonali tal-ajru Maltija li lkoll konna kburin biha. Sa Marzu tal-2023, l-Air Malta akkumulat  €356 miljun f’telf minkejja injezzjoni ta’ kapital ta’ €130 miljun bejn l-2012 u l-2015, u l-“finanzjament intern” ta’ €209 miljun bejn l-2005 u l-2020.

31 ta’ Marzu tal-2024

Se tkun qegħda tibda ttir uffiċjalment il-linja nazzjonali tal-ajru Maltija l-ġdida bl-isem KM Malta Airlines. Din il-linja ġdida tal-ajru se ttir lejn sbatax-il destinazzjoni… jiġifieri mal-għoxrin destinazzjoni inqas mis-37 destinazzjoni li kienet qegħda ttir għalihom qabel.

Id-destinazzjonijiet se jkunu Amsterdam, Berlin, Brussell, Dusseldorf, Katanja, Londra Heathrow u Londra Gatwick, Lyon, Madrid, Milan, Munich, Pariġi, Praga, Ruma, Vjenna u Zurich. Il-kumpanija mhijiex se tibqa’ ttir lejn Palermo, Napli, Nizza, Ġinevra, Lisbona u Tel Aviv iżda hemm pjanijiet li jitnieda servizz ġdid lejn Copenhagen.

Biex tagħmel dawn it-tijiriet, il-kumpanija se tkun qed iżżomm il-flotta ta’ tmien ajruplani Airbus A 320 minkejja li kien hemm talba mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm tnaqqis fil-flotta.

Skont Robert Abela l-kumpanija l-ġdida se tkun iktar effiċjenti u bassar li l-kumpanija se tagħmel profitt fi żmien sentejn!

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li din il-bidla se tkun qed tiswa €350 miljun li minnhom €300 miljun se jintefqu biex jinxtraw tliet ajruplani li sa issa kienu mikrija u sabiex tinxtara proprjetà mill-Air Malta bil-€50 miljun li jifdal jintużaw bħala kapital.

F’April tal-2024

Fl-Imġarr tkun organizzata edizzjoni oħrfa ta’ ‘Festa Frawli’. Id-data preċiża għadha trid titħabbar. Din hi inizjattiva organizzata min-nies tal-lokal. Għal din il-festa jinġabar il-frawli tal-bdiewa Mġarrin u n-nies tal-lokal jippreparaw ħelu bil-frawli u ikel tradizzjonali ieħor. Attività li tittella’ quddiem il-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali.

F’April tal-2024

Matul dan ix-xahar – id-dati għadhom iridu jkunu magħrufa – se jittella’ l-Festival Internazzjonali Malti tal-Logħob tan-Nar – li hu appuntament ieħor fil-kalendarju kulturali Malti u li għalih jattendu ħafna nies tal-lokal u turisti. Il-Port il-Kbir tal-Belt Valletta huwa l-ambjent perfett għal dan l-avveniment li matulu tiġi ċċelebrata wkoll is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-festival tal-logħob tan-nar jimmarka l-bidu ta’ bosta festi fl-irħula madwar Malta.

F’Mejju tal-2024

Għal darba oħra se jkun organizzat il-Valletta Green Festival… Data li għadha trid titħabbar. Waqt dan il-festival, li jittella’ fi Pjazza San Ġorġ, tittella’ wirja mill-isbaħ ta’ xeni bil-fjuri u l-pjanti… xejn inqas minn 80,000 pjanti u fjuri staġjonali. Għal din l-inizjattiva jitniedu diversi workshops edukattivi, seminars, mużika, u divertiment madwar Pjazza San Ġorġ u postijiet oħra madwar il-Belt Valletta.

F’Ġunju tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra tal-Malta Fashion Week. Id-data għadha trid titħabbar.

F’Ġunju tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra tal-Lost & Found Festival. Id-data għadha trid titħabbar.

F’Ġunju tal-2024

Jittella’ l-Festival tal-Folk marbut ma’ żmien l-Imnarja. Id-data għadha trid titħabbar. Din il-festa tmur lura saħansitra qabel il-wasla tal-Kavallieri Osptarieri fl-1530. Isimha ‘L-Imnarja’ jew ‘Festival tad-Dawl,” li joriġina mill-ħafna ħuġġieġa solstizjali li oriġinarjament akkumpanjaw il-festa. Prinċipalment illum din il-festa tittella’ fil-Ġonna tal-Buskett fejn familji u ħbieb jużaw din il-ġurnata għal piknik jew xi  ikla bl-ikel tradizzjonali jkun il-fenek. Filgħaxija jilħqu l-qofol tagħhom il-kant, idaqq tal-kitarra u l-mużika folkloristika.

F’Lulju tal-2024

Jittella’ avveniment ieħor għall-familja magħruf bħala l-Farsons Great Beer Festival. Id-data għadha trid titħabbar. 

F’Lulju tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra tal-Isle of MTV Malta Special. Id-data għadha trid titħabbar.

Mit-8 ta’ Lulju tal-2024

Appuntament ieħor fiss mal-Malta Jazz Festival bis-sehem ta’ bands kemm Maltin kif ukoll barranin… dejjem fil-Port il-Kbir.

Mit-13 ta’ Lulju tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra tal-Malta Music Week f’diversi postijiet differeni.

8 ta’ Lulju tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra ta’ Rock the South li fiha jieħdu sehem għadd kbir ta’ artisti u mużiċisti u bands kemm Maltin kif ukoll barranin. Id-data għadha trid titħabbar.

F’Awwissu tal-2024

Jittella’ avveniment ieħor għall-familja magħruf bħala d-Delicata Wine Festival. Id-data għadha trid titħabbar.

Mill-11 ta’ Awwissu tal-2024

Jittella’ l-famuż fesitva Summer Daze Malta li jattira lejh line-up ta’ kantanti, bands, dj’s u gruppi mużikali mill-aqwa minn madwar id-dinja.

8 ta’ Settembru tal-2024

Id-data tat-8 ta’ Settembru hija festa speċjali ħafna f’Malta, għax tiġbor fiha tliet avvenimenti differenti: il-festa reliġjuża tat-twelid ta’ Marija Bambina, il-ġurnata li ntemm l-assedju tal-1565, u l-ġurnata li l-armata Taljana ġiet megħluba mill-Ingliżi fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-festi jsiru fl-Isla, fin-Naxxar, fil-Mellieħa u fix-Xagħra f’Għawdex. Mill-1878, kull sena saret regatta tal-qdif fil-baċir tal-port il-kbir bejn sitt timijiet miż-żoni ewlenin tal-portijiet ta’ Malta – spettaklu mill-aqwa!

F’Ottubru 2024

Issir edizzjoni oħra tal-Mdina Grand Prix Classic Car bid-data għadha trid titħabbar. F’dan l-avveniment jieħdu sehem diversi karozzi antiki u li għandhom valur partikulari

5 ta’ Ottubru tal-2024

Edizzjoni oħra ta’ Lejl Imdawwal jew Notte Biance fejn il-palazzi u l-mużewijiet jibqgħu miftuħin sa tard filgħaxija bi skontijiet speċjali mad-dħul, xi wħud saħansitra b’xejn, bħall-Palazz tal-President. It-toroq ikunu mimlija ħajja b’wirjiet ta’ arti viżiva u wirjiet teatrali.

Il-mużika tindaqq fit-toroq hekk kif baned lokali u barranin huma wkoll għall-wiri għad-divertiment tiegħek.

Mit-23 ta’ Ottubru tal-2024

Tittella’ edizzjoni oħra tar-Rolex Middle Sea Race li tibda mill-Port il-Kbir bil-parteċipazzjoni ta’ madwar sebgħin opra tal-baħarli jimbarkaw fuq vjaġġ ta’ 606 mil nawtiku biex jgħaddu mill-Istrett ta’ Messina tul il-kosta tal-Lvant ta’ Sqallija. Il-vjaġġ ikompli madwar Stromboli, Favignana, u Pantelleria fi Sqallija u mbagħad lura lejn Malta minn Lampedusa. Il-pajsaġġi u l-meravilja tal-Baħar Mediterran jagħmlu din it-tellieqa sfida partikolari u attraenti!

8 ta’ Ġunju tal-2024

Malta tingħaqad mal-kumplament tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea u jsiru f’pajjiżna l-elezzjonijiet għall-ħatra ta’ sitt Membri Parlamentari Maltin li se jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew.
F’dawn l-elezzjonijiet madwar l-Ewropa, miljuni ta’ Ewropej se jipparteċipaw fit-tiswir tal-futur tad-demokrazija Ewropea.

Naturalment dan se jkun ukoll mument uniku meta lkoll nistgħu niddeċiedu kollettivament dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea imma anki biex jintbagħtu messaġġi importanti ħafna anki fuq livell ta’ pajjiżna.

Dejjem hu importanti li tivvota, kemm fil-livell lokali u anki nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. Din se tkun opportunità eċċellenti biex issemma’ leħnek dwar suġġetti għal qalbek.

Fost l-oħrajn tajjeb li tuża l-vot tiegħek biex tgħin tbiddel id-dinja li tgħix fiha.

Faċli ninsew kemm ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej jolqot lil ħafna nies. Il-Parlament Ewropew jadotta liġijiet li jolqtu lil kulħadd: il-pajjiżi l-kbar u l-komunitajiet ż-żgħar, il-kumpaniji b’saħħithom u n-negozji ż-żgħar li għadhom jibdew, fil-livell globali u lokali. Il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jindirizzaw il-biċċa l-kbira tal-prijoritajiet tan-nies: l-ambjent, is-sigurtà, il-migrazzjoni, il-politiki soċjali, id-drittijiet tal-konsumatur, l-ekonomija, l-istat tad-dritt u ħafna aktar. Illum, kull suġġett nazzjonali importanti għandu wkoll perspettiva Ewropea. Il-vot tiegħek se jiddeċiedi liema Membri tal-Parlament Ewropew se jirrappreżentawk fit-tħejjija ta’ liġijiet ġodda. Se jinfluwenza wkoll l-elezzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Dawn id-deċiżjonijiet se jsawru l-ħajja tiegħek ta’ kuljum u dik ta’ ħafna oħrajn.

8 ta’ Ġunju tal-2024

Grazzi għall-politika ta’ Deċentralizzazzjoni li dejjem ħaddan Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, fis-sena 1993 għaddiet liġi mill-Parlament li waqqfet 67 lokalità permezz tal-Att XV dwar il-Kunsilli Lokali.
Dawn kienu 53 f’Malta u 14 f’Għawdex. F’Diċembru tal-1999 iddaħħlet ġdida l-lokalità tal-Imtarfa permezz ta’ Att XXI li b’hekk ġabet in-numru ta’ lokalitajiet għal 68. L-ewwel elezzjonijiet saru bejn Novembru tal-1993 u Mejju tal-1994. Dawn saru wkoll fuq l-istess prinċipju tal-Elezzjoni Ġenerali.

Sas-sena 2009, kull Marzu kienu jsiru elezzjonijiet f’terz tal-kunsilli (22 jew 23 lokalità), jiġifieri, il-kunsilli kellhom terminu ta’ tliet snin. Iżda fl-2004 u fl-2009, dawk l-elezzjonijiet kienu ġew posposti bi ftit sa Ġunju biex jaħbtu flimkien mal-elezzjoni għal ħames membri fil-Parlament Ewropew.

In-numru ta’ kunsillieri f’kull lokalità huwa determinat skont il-popolazzjoni fil-lokalità. L-inqas possibbli huma ħames u l-ogħla huma tlettax. Għal ħafna raġunijiet differenti, inkluż il-mewt, ammont ta’ vakanzi jinħolqu regolarment matul is-sena. Il-Kummissjoni Elettorali tieħu ħsieb tagħmel l-elezzjonijiet każwali biex jimtlew dawn is-siġġijiet battala tal-kunsilllieri u tal-kumitati amministrattivi. Meta ma jiġi elett ħadd, jew ħadd ma jitfa nomina, il-post ikun allokat bil-co-option.

Aktar ammendi fil-Liġi stabbilew li t-terminu tal-kunsilli għandu jiżdied minn tlieta għal erba’ snin.
Sussegwentement iddaħħal fis-seħħ Abbozz ta’ Liġi li jemmenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali u dan ipproponi li l-elezzjonijiet tas-68 kunsilli jkunu magħquda flimkien u jsiru darba kull ħames snin, bl-ewwel darba jkun fis-sena 2019.

Issa l-elezzjonijiet f’dawn il-lokalitajiet kollha f’Malta u f’Għawdex se jkunu qed isiru nhar it-8 ta’ Ġunju tal-2024 u huma okkażjoni għall-poplu kollu biex isemma’ leħnu.

Mill-14 ta’ Ġunju tal-2024

Jittella’ l-Malta International Arts Festival u li joffri varjetà wiesgħa ta’ arti, inklużi teatru, żfin, mużika, u pittura. Jittellgħu wkoll għadd ta’ wirjiet minn artisti rinomati, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali, f’postijiet bħaċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, it-Teatru MITP, jew iċ-Ċentru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-Kreattività fil-Belt Valletta.

21 ta’ Settembru tal-2024

F’Settembru li ġej, Malta se tkun qegħda tfakkar is-sittin anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, ġrajja importanti ferm fl-istorja tal-iżvilupp kostituzzjonali u demokratiku tal-pajjiż li biha Malta kisbet post fil-komunità internazzjonali bħala stat sovran.

Il-kisba tal-Indipendenza, l-akbar ġrajja u kisba li qatt għamel il-poplu Malti u Għawdxi, tista’ titqies bħala l-att politiku li witta t-triq għal kisbiet oħra importanti fosthom it-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta fl-1974, l-għeluq tal-bażijiet militari barranin fl-1979 u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għaxar snin ilu.
Wieħed jistenna li din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet ikunu akbar mis-soltu, bla dubju ta’ xejn li wieħed ifakkar kif nhar il-21 ta’ Settembru tal-1964, meta indirizza l-folol fl-Arena tal-Indipendenza, il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier kien stqarr li: “L-Indipendenza tfisser li għandna naħdmu aktar iebes u b’rieda ikbar għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja li aħna verament tixirqilna l-Indipendenza li akkwistajna; li nistgħu naħdmu demokratikament, u mmexxu l-poplu tagħna fit-triq tal-liġi u l-ordni lejn prosperità ekonomika għalina u wliedna.”

Dan kien messaġġ li għadu jgħodd illum. L-Indipendenza fetħitilna l-bibien beraħ. Iżda aħna rridu nżommu dawn il-bibien miftuħa. Ħadd mhu se jaħslilna wiċċna biex inkunu aħjar minnu. B’rajna f’idejna jiddependi minnha lkoll jekk navvanzawx jew immorru lura. Hu stat ta’ fatt li pajjiżna bl-Indipendenza avvanza ħafna. Anke ħafna iktar milli parti kbira tal-poplu kien jipprevedi.

13 ta’ Diċembru tal-2024

F’Diċembru li ġej Malta se tkun qegħda tiċċelebra għeluq il-ħamsin sena meta saret Repubblika proprju f’Diċembru tal-1974.  Kien ftit iżjed minn għaxar snin wara li Malta saret indipendenti, li pajjiżna neħħa l-monarkija Brittanika u l-Kap tal-Istat beda jkun Malti.

Meta Malta kienet saret indipendenti f’Settembru tal-1964, għaxar snin qabel, ir-Reġina Eliżabetta II tar-Renju Unit kienet ukoll ir-Reġina ta’ Malta.

L-ewwel pass biex pajjiżna wasal għal din il-kisba importanti fl-istorja tiegħu kien meta l-Prim Ministru Duminku Mintoff ħatar lil Sir Anthony Mamo bħala l-ewwel President ta’ Malta.

Kien fit-13 ta’ Diċembru tal-1974 meta l-Parlament għadda liġi storika sabiex pajjiżna jkun Repubblika, hekk kif 49 ivvutaw favur waqt li sitta biss kienu kontra.

F’dan il-jum, l-Ispeaker tal-Parlament, Emmanuel Attard Bezzina, il-Prim Ministru Duminku Mintoff, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Ġorġ Borg Olivier u l-Membri Parlamentari, ħadu l-ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni l-ġdida.

Hekk kif ħa l-ġurament bħala l-ewwel President ta’ Malta ndaqqet il-fanfarra, indaqq l-innu nazzjonali, u ġew sparati 21 tir.

Dakinhar tat-tlettax ta’ Diċembru tal-1974 ħadu l-ġurament fil-kariġi tagħhom il-Prim Ministru, il-Kabinett tal-Ministri, il-Prim Imħallef, u l-Imħallfin.