Bħalissa għaddejjin ġmielhom l-aħħar preparamenti biex fi ftit sigħat oħra tibda l-maratona ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza bl-isem ta’ ‘Festa ta’ Ġenerożità’.
Aktar kmieni matul din il-ġimgħa, waqt il-programm Net Live, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef spjega kif din il-maratona, se terġa tiġi organizzata taħt it-tinda fil-parkeġġ tad-Dar, fis-Siġġiewi.
L-Arċisqof Charles Scicluna se jqaddes quddiesa fid-9.30am fil-Kappella tad-Dar u eżatt wara jingħata bidu għal din il-Festa ta’ Ġenerożità li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin, fosthom Net TV, bejn l-10.00am u nofsillejl.
Matul il-ġurnata se jsir ukoll irkant online ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti fil-sala tad-Dar tal-Providenza. B’mod fiżiku, wieħed jista’ jara l-katalgu sħiħ, fuq dtpauction.com. Il-bidding online huwa miftuħ fuq is-sit elettroniku: belgraviaacutions.com.
Fr Martin Micallef tenna li d-Dar tal-Providenza hi impenjata li tibqa’ toffri servizzi residenzjali ta’ kwalità lir-residenti, hekk kif tibqa’ taspira li tkompli ttejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tal-istess residenti.
Saħaq li għalkemm is-servizz personalizzat lir-residenti huwa element importanti ħafna, l-objettivi tad-Dar tal-Providenza huma ukoll li r-residenti jkunu aktar inklużi fis-soċjetà u jipparteċipaw b’mod sħiħ fiha.
Ma naqasx li Fr Martin jgħaddi l-appell tiegħu lill-pubbliku għall-għajnuna hekk kif semma’ l-ispejjez li għandha d-Dar tal-Providenza ta’ kull sena, fejn dejjem ikun hemm bżonn li jissaħħaħ l-investiment fir-riżorsa umana, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti ġodda kapitali li jkomplu jtejbu s-servizz mogħti mid-Dar, kif ukoll ftuħ ta’ djar oħra fil-komunità. Fil-fatt id-Dar għandha bżonn madwar 6 miljun u nofs ewro kull sena.
Apparti l-ispiża rikorrenti biex tmexxi d-dar, bħalissa għaddej ukoll rinnovar f’Villa Papa Giovanni fejn diġa beda xogħol fuq wieħed minn 4 appartamenti, li mistenni jitlesta s’April li ġej. B’hekk ir-residenti se jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu fil-post tagħhom u jsibu post aktar modern b’aktar kumditajiet li jwieġbu għal bżonnijiet individwali tagħhom.
Id-donazzjonijiet jistgħu isiru permezz tat-telefon:
€10 – 51602012
€15 – 51702013
€25 – 51802014
€50 – 51902085
€100 – 51302022
SMS €7- 50618922
Wieħed jista’ ukoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.
//= $special ?>