Il-gwerra li għaddejja bħalissa fil-Lvant Nofsani qed tħalli anki r-riperkussjonijiet ‘il hinn minn Gaza u Iżrael…Dan meta s-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar qed issir dejjem aktar perikoluża, wara li l-milizzji tal-Houthi fil-Jemen żiedu l-attakki fuq il-bastimenti li qed jużaw dik iz-zona marittima u li fil-parti kbira qegħdin ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Iżrael.
Il-milizzji tal-Houthi li qed jingħataw l-appoġġ mill-Iran, huma sostenituri tal-grupp terrorista tal-Ħamas li ilu l-aħħar xhur involuti f’battalji ħorox mal-qawwiet Iżraeljani f’Gaza.
Intant, il-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti fl-aħħar sigħat qerdu numru ta’ dgħajjes mimlijin bil-milizzji tal-Houthi li kienu qed jippruvaw jaħtfu tanker fil-Baħar l-Aħmar.
Il-milizzji alleati mal-Iran, qabel, kienu sparaw fuq il-bastiment bl-isem Maersk Hangzhou u anki laħqu avviċinawha bid-dgħajjes qabel l-intervent pront tal-Amerikani li evitaw tmiem traġiku għall-ekwipaġġ tat-tanker.
L-erba’ dgħajjes tal-Houthi kienu telqu mill-inħawi tal-Jemen u hekk kif il-milizzji kienu qed jippreparaw biex jaħtfu t-tanker, il-ħelikopters tal-bastimenti tal-gwerra Amerikani fil-Baħar l-Aħmar wieġbu għall-SOS mill-ekwipaġġ tal-bastiment u fejn għarrqu tlieta mid-dgħajjes tal-militanti. Mifhum li nqatlu l-milizzji kollha fid-dgħajjes u bir-raba’ dgħjasa tispiċċa taħrab lura lejn il-Jemen waqt li segwita mill-ħelikopters.
L-Amerikani qalu wkoll li kienu kostretti li jeliminaw lid-dgħajjes bħala forma ta’ difiża wara li l-milizzji ta’ fuqhom bdew jisparaw lejn il-ħelikopters li kienu telgħu mill-aircraft carrier USS Eisenhower kif ukoll mid-destroyer USS Gravely.
Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li l-ħelikopters intervjenew biex jevitaw il-vjolenza fuq il-baħar u fejn kellhom jirritaljaw ladarba l-milizzji fid-dgħajjes fetħu n-nar għal fuqhom. Dan ukoll f’ħin meta l-ekwipaġġi tal-ħelikopers kienu qed iwissu lill-Houthi biex jirtiraw u ma jheddux aktar lill-baħrin tat-tanker.
It-tanker Maersk Hangzhou, tal-kumpannija Daniża Maersk, hu reġistrat f’Singapore u fl-aħħar sigħat din il-kumpannija deċidiet biex twaqqaf il-vjapġi bil-vapuri tagħha mill-Baħar l-Aħmar …Direttiva li għandha tibqa’ valida għal 48 siegħa.
.Kien ikkonfermat ukoll li ma weġġa’ ħadd minn fost il-membri tal-ekwipaġġ tat-tanker u fost l-ekwipaġġi tal-ħelikopters.
Sadanittant, dan kien it-tieni attakk tal-Houthi fuq it-tanker Maersk Hangzhou fi spazju ta’ 24 siegħa u wara li l-bastiment inkwistjoni, nhar is-Sibt, kien spiċċa mira għall-missili sparati mill-milizzji madwar il-kosta tal-Jemen.
//= $special ?>