Internazzjonali

Il-Kiribati u New Zealand l-ewwel li ċċelebraw il-bidu tas-sena

Il-poplu tal-Kiribati kien ta’ l-ewwel li ċċelebra l-bidu tas-sena l-ġdida, hekk kif fil-11 ta’ filgħodu ħin ta’ Malta, fil-Kiribati ndaqqu t-tokki ta’ nofsillejl.

II-linja tad-data internazzjonali xi darba kienet tgħaddi eżatt minn nofs il-pajjiż, u l-istess pajjiż kien jiċċelebra s-sena l-ġdida f’ġurnata differenti. Iżda mill-1995, mexxew il-linja sabiex il-pajjiż sħiħ jidħol fis-sena l-ġdida fl-istess ġurnata.

Siegħa wara l-Kiribati, kien imiss lil New Zealand, Tonga u Samoa sabiex jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida.

Wieħed seta’ jgawdi spettaklu mill-isbaħ mis-Sky Tower f’Auckland f’New Zealand, hekk kif it-torri nxtel f’varjeta ta’ kuluri, filwaqt li s-sema żżejnet bil-logħob tan-nar.

Fl-Awstralja, madwar miljun persuna nġabru quddiem il-Harbour Bridge u s-Sydney Opera House, kif ukoll fuq il-bajjiet, sabiex jaraw waħda mill-ikbar spettakli tal-logħob tan-nar fid-dinja, fejn tmien tunnellati ta’ nar tal-ajru sebbħu s-sema Awstraljana għal 12-il minuta. Kien hemm xi turisti li fit-3am kienu diġa quddiem il-Harbour Bridge sabiex ikollom l-aqwa post biex jaraw l-ispettaklu.

L-aħħar post li jilqa’ s-sena l-ġdida huwa Baker Island, li minkejja li jinsab madwar elfejn kilometru biss ‘il bogħod mill-Kiribati, dan jinsab 26 siegħa qabel minħabba differenzi fiż-żona tal-ħin. Dan ifisser li d-dinja ddum eżatt 26 siegħa sakemm kompletament tidħol fis-sena l-ġdida.