F’partijiet mir-Renju Unit bħalissa hemm fis-seħħ twissija safra ta’ riħ qawwi hekk kif fi ftit sigħar oħra mistennija jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Intant ħarġu ukoll kważi 200 twissija ta’ għargħar hekk kif partijiet mir-Renju Unit qed jippreparaw għal aktar xita. L-Uffiċċju Meterjoloġiku qal li f’Londra u fin-Nofsinhar tal-Ingilterra, ir-riħ mistenni jiżdied l-aktar tul il-kosta.
Twissija ta’ riħ qawwi se tkun fis-seħħ għal Londra, ix-Xlokk, il-Lbiċ u Wales mill-10am sa ftit qabel nofsillejl.
F’Edinburgh, fl-Iskozja, it-temp mistenni jkun imsaħħab iżda niexef, filwaqt li l-fruntieri u r-reġjuni ċentrali se jesperjenzaw kundizzjonijiet primarjament niexfa, b’perjodi ta riħ ħafif u varjabbli.
Madankollu, it-temperaturi madwar in-Nofsinhar tal-Iskozja se jsiru dejjem aktar mhux stabbli, b’ħalbiet tax-xita jingħaqdu f’perjodi aktar estiżi ta’ xita u borra fuq il-muntanji.
Intant, il-Eurostar ħabbret li s-servizzi kollha tagħha se jerġgħu jibdew illum, wara li l-għargħar “bla preċedent” ġewwa mina taħt ix-Xmara Thames issa hu taħt kontroll, u jfisser li mill-inqas mina waħda issa tista’ tintuża u servizz sħiħ jista’ jopera.
L-operatur wissa lill-klijenti biex xorta jistennew aktar dewmien filwaqt li l-istazzjonijiet mistennija jkunu okkupati ħafna. Għaldaqstant il-Eurostar wissiet lill-passiġġieri biex “jivvjaġġaw biss jekk ikun meħtieġ” wara li lbieraħ l-għargħar ħarbat il-pjanijiet tal-ivvjaġġar ta’ eluf ta’ nies. Vjaġġi bix-xarabank u l-ferrovija jistgħu jiġu affettwati wkoll u jista’ jkun possibbli wkoll qtugħ ta’ dawl għal ħin qasir f’xi żoni.
//= $special ?>