Kultura Lokali

It-tieni edizzjoni ta’ Jump for Life mill-Fondazzjoni OASI

Il-Fondazzjoni OASI, organizzat it-tieni edizzjoni ta’ Jump for Life fit-30 ta’ Diċembru fil-Bajja tax-Xlendi, bil-għan li tħeġġeġ u tappoġġja lil dawk li għandhom bżonn jagħmlu dik il-qabża biex itejbu ħajjithom billi jistaqsu għall-għajnuna.

Din l-idea tressqet minn persuna li għamlet użu mis-servizzi tal-OASI biex jgħinuh jegħleb il-problema tal-vizzju li kellu. L-avveniment kien maqsum fi 3 attivitajiet: L-ewwel kien hemm mixja mill-Bajja tax-Xlendi sal-limiti tal-Irdumijiet ta’ Sanap u lura. U ftit wara sar il-canoeing.

Aktar minn 60 parteċipant ħa sehem. Il-kummenti immedjati tal-parteċipanti wara l-qabża f’baħar kiesaħ, kienu ta’ sodisfazzjon u esprimew sentiment ta’ high naturali.

L-avveniment kien miżgħud b’entużjażmu għall-kawża tajba. Il-parteċipanti ġew servuti b’xorb sħun ippreparat mill-voluntiera tal-Fondazzjoni, li niżel għasel wara dik il-qabża fil-baħar kiesaħ.

Il-Fondazzjoni OASI tixtieq tirringrazzja lill-Ministeru ta’ Għawdex li huwa l-isponsor ewlieni għal dan l-avveniment, kif ukoll lil UniQ- Tiles & Ceramic Boutique, Gozo Segway Tours u DQ Contractors Malta.

Il-Fondazzjoni OASI tirringrazzja wkoll lil kull min għen biex jittella’ dan l-avveniment, speċjalment lill-voluntiera, filwaqt li tawgura s-Sena t-Tajba lil kulħadd.