Lokali

Jinstab katavru fil-baħar fl-inħawi tal-Qbajjar

Sfortunatament illum għall-ħabta ta’ nofsinhar intlemaħ katavru fil-baħar fl-inħawi tal-Qolla l-Bajda, fil-limiti tal-Qbajjar, Għawdex.

Immedjatament bdiet ħidma intensiva mill-Protezzjoni Ċivili sabiex il-katavru jittella’ mill-baħar peress li kien maqbud fil-blat.

Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-ġisem x’aktarx huwa ta’ raġel però għadu ma ġie identifikat peress li nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.  

Fuq il-post kien hemm numru ta’ Pulizija li assistew il-ħidma li kienet għaddejja filwaqt li kien hemm ukoll tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex tiġi stabbilità l-identità u l-kawża tal-mewt.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.