Internazzjonali

L-Italja: Lejn miżuri biex itaffu l-impatt tat-turiżmu ‘eżaġerat’ f’Venezja

Is-sena l-ġdida għandha twassal għall-bidliet sinifikanti fil-belt Taljana ta’ Venezja…Dan meta l-awtoritajiet lokali ‘il quddiem għandhom jipprojbixxu l-gruppi ta’ aktar minn 25 turist bil-ħsieb li jnaqqsu l-impatt tat-turiżmu tal-massa għal din il-belt fuq il-baħar.

Ir-regoli l-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ minn Ġunju, bl-awtoritajiet ta’ Venezja anki se jipprojbixxu l-użu tal-loudspeakers minħabba li dan kapaċi jikkaġuna konfużjoni u inkonvenjent għan-nies taz-zona.

Il-miżuri lejn il-kontroll tat-turiżmu eżaġerat huma issue importanti għall-awtoritajiet ta’  Venezja li hi fost l-aktar bliet frekwentati mill-barranin fl-Ewropa. Intant, il-miżuri għandhom ‘il quddiem itejjbu l-immaniġġjar tal-gruppi tat-turisti u l-ġiti fiċ-ċentru storiku ta’ Venezja.

Mistenni li t-turżmu lejn Venezja għandu jikber sew fis-snin li ġejjin u meta aktar residenti qed jippreferu li jitilqu mill-inħawi fost l-inkwiet li l-popolazzjoni ta’ din il-lokalità għandha tispiċċa mgħarrqa bil-barranin li, kull xahar, qegħdin jibdlu lill-belt fuq il-baħar f’mekka tat-turiżmu.