Lokali

Se tagħmlu riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida?

Wasalna fi tmiem is-sena u bħal kull sena huma diversi in-nies illi jagħmlu xi riżoluzzjoni bħala parti mit-tradizzjoni tal-Ewwel tas-Sena. U għal ħafna, dawn ir-riżoluzzjonijiet jagħtu tama u aspettativa qabel tibda sena ġdida – aspettativa għal dak li nittamaw li niksbu fix-xhur li ġejjin.

Meta fl-aħħar jiem żorna l-Belt Valletta, staqsejna lin-nies jekk għandhomx xi riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida. U fost id-diversi risposti li spikkaw kien hemm min qal li jrid inaqqas mill-ikel…kien hemm ukoll min qal li jixtieq li jkollu sena aktar serena… għalkemm imbgħad kien hemm ħafna illi qalulna li ma jagħmlux riżoluzzjonijiet.

U filwaqt illi hemm dawk l-individwi li ma jagħmlux riżoluzzjoni qabel tibda sena ġdida, sibna wkoll min jagħmel riżoluzzjoni partikolari – biex ma jagħmilx aktar riżoluzzjonijiet.

Hi x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar ir-riżoluzzjonijiet, kulħadd jaqbel li hemm għatx għal sena aħjar – sena b’aktar paċi u anqas aħbarijiet koroh kif kellna fl-aħħar xhur. Sena fejn jieqfu l-gwerer, u nerġgħu nesperjenzaw in-normalita f’diversi reġjuni tad-dinja.