Lokali

“Sena ġdida ġġib magħha opportunitajiet ġodda li bihom titjieb il-kwalità tal-ħajja” – Bernard Grech

Kull sfida li teżisti għandha ssir opportunità li sservi lill-poplu u biha, tittejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Fejn il-Partit Nazzjonalista irid verament jagħti kwalita ta’ ħajja aħjar lil kulħadd.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN Bernard Grech fl-awgurju tiegħu għas-sena l-ġdida.  

“Sena ġdida hija opportunita għal titjieb, li aħna wkoll nkunu aħjar, li nagħtu l-aħajr għall-għeżież tagħna, għal Malta u Għawdex. Irridu pajjiż lest li jassisti, lesti li nsostnu lill-anzjani, lilll-ħaddiema, lill-familji, liż-żgħażagħ, lit-tfal. Sena ġdia ttina lok għal aspirazzjoni biex niksbu aktar, Nawgura sena mimlija b’użani u drawwiet li jsawru l-identità ta’ dan in-nazzjon tagħha, nawgura sena ġdida lilkom ilkoll, sena ġdida mimljija barka risq u hena.

Huwa qal li l-missjoni tal-PN hija li tkun offruta alternattiva fejjieda li twelled ħajja aħjar għal kulħadd, fosthom mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xgħolijiet ta’ kwalita, kif ukoll li tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

“Insaħħaħ l-impenn tagħna għal stabbiltà ekonomika li toffri serħan tal-moħħ għal kulħadd. Nibqgħu sodi fl-impenn tagħna biex bil-fatti nħarsu l-ambjent, insaħħu l-benesseri soċjali u nżommu l-ogħla standards ta’ governanza.

Apparti dan kollu, il-PN huwa kommess li jitrasforma l-pajjiż skont il-prijoritajiet tan-nies fejn in-nies ikunu tassew il-prijorità u li tissaħħaħ id-demokrazija.

“Id-demokrazija tfisser it-tmexxija favur il-poplu, li nagħtu widen il-leħen tal-ħafna. Il-viżjoni tagħna hija wegħda ta’ integrita, li nibdu mill-ġdid il-fiduċja li tnaqqret fl-istituzzjonijiet.

Fil-messaġġ tiegħu Bernard Grech qal li l-ħidma tal-Partit immexxi minnu se tibqa’ tinsisti għal pjan strateġiku biex f’pajjiżna jkunu eliminati l-problemi tal-għoli tal-ħajja.

Aħna għandna dan il-pjan u rridu nwettquh dan il-pjan… pjan li se jkun jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil kulħadd. Il-mudell ekonomiku tagħna huwa mudell li minnu jgawdi kulħadd Iservi biex tiċkien u mhux tikber il-qasma bejn min hu għani u min hu fqir. Anzi naslu meta neradikaw il-faqar, meta neliminaw l-iskjavitu modern. Meta ħadd ma jibqa’ tallab f’pajjiżu. Meta l-ekonomija taħdem għalik u mhux int taħdem għall-ekonomija. Meta tkun komdu u seren u mhux tibqa’ tissielet biex iġġebbed id-dħul tiegħek sal-aħħar tax-xahar.” 

Huwa saħaq li l-kunċett ta’ ċelebrazzjoni ġdida ġġib fostna l-aspirazzjoni għall-bidla għall-aħjar sabiex titjieb il-ħajja ta’ kulħadd. 

“Bosta jagħmlu riżoluzzjoni li huma jkunu protagonista ta’ din il-bidla għall-aħjar kemm għalihom u kif ukoll għal dawk ta’ madwarhom. Is-sens ta’ sena ġdida ġġib emozzjoni ta’ tama u kuraġġ… sena ġdida, kisbiet ġodda. Permezz tal-politika aħna wkoll bħala poplu, il-PN, nistgħu nwettqu kisbiet kbar li se jkunu qed iwasslu għal ħajja aħjar f’pajjiżna.

Il-Kap tal-PN fakkar kif is-sena 2024 hija sena mimlija avvenimenti fosthom is-sena li timmarka s-60 sena mill-kisba tal-Indipendenza kif ukoll 20 sena mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Hija wkoll is-sena li matulha li se jsiru l-elezzjonijiet sabiex ikunu eletti l-Membri Parlamentari Ewropej kif ukoll il-Kunsilliera Lokali.

“Din is-sena se nkunu qed neleġġu mill-ġdid ir-rappreżentanti tagħna fil-Parlament Ewropew… Malta l-iżgħar stat membru iżda għandna l-kredenzjali kollha li nkunu mal-kbar għax aħna kbar. L-istess ukoll din is-sena se neleġġu l-amministraturi lokali fejn il-PN jemmen fis-sussidjarjeta u għalhekk welled u sostna lill-Kunsilli Lokali. Nemmnu li l-politika lokali tkun viċin in-nes aktar u d-deċiżjonijiet jittieħdu eqreb lejn in-nies.

Bernard Grech qal li huwa fid-dmir ta’ kulħadd li jikkontribwixxi biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem, iżda huwa d-dritt ta’ kulħadd li jintlaħaq bil-politika ġusta ta’ fejda.