Lokali

Tħassib fost il-ħaddiema tal-Freeport dwar regoli ġodda għall-qasam marittimu

Minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024 se jiddaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li sa seba’ snin oħra l-emissjonijiet jonqsu b’55 fil-mija. Dan se jwassal, fost oħrajn, biex tkun introdotta taxxa ġdida għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjni Ewropea bl-iskop li jpattu għall-emissjonijiet tagħhom.

Fil-fatt minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024, il-vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5,000 u aktar, li jivvjaġġaw minn u lejn portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, se jkunu meħtieġa li jixtru u jċedu kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra applikabbli tal-ETS fuq bażi annwali.

Dwar dan kollu l-Mument tkellmet mad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħlijiet u s-Settur Marittimu, li beda biex fisser kollox beda wara li aktar kmieni din is-sena l-Ministri Miriam Dalli u Aaron Farrugia fil-Kabinett ta’ Robert Abela vvutaw favur direttivi tal-Unjoni Ewropea li se jkollhom effett negattiv fuq il-Freeport, fuq il-ħaddiema tal-Freeport u fuq mijiet ta’ familji oħrajn li l-għajxien tagħhom, indirettament, jiddependi mix-xogħol tal-Freeport.

Kollox jindika li meta vvutaw favur dawn id-direttivi tal-Unjoni Ewropea, fil-fatt il-Ministri Laburisti Miriam Dalli u Aaron Farrugia anqas biss kienu jafu x’qegħdin jagħmlu; anqas biss kienu jafu l-impatt li se jħallu dawn id-direttivi fuq il-Freeport Malti u fuq l-industrija marittima Maltija.

Tajjeb li jingħad li dawn id-direttivi jaħsbu biex minn għada l-1 ta’ Jannar tal-2024 jiddaħħlu fis-seħħ liġijiet u regolamenti fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li sa seba’ snin oħra l-emissjonijiet jonqsu b’55 fil-mija. Dan se jwassal, fost oħrajn, biex tkun introdotta taxxa ġdida għall-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea bl-iskop li jpattu għall-emissjonijiet tagħhom.

Grazzi għall-vot favur mill-Ministri Laburisti Miriam Dalli u Aaron Farrugia tajjeb li jingħad li skont sorsi mill-Freeport u mill-Malta Maritime Forum hemm qbil bejniethom li s-settur marittimu se jintlaqat ħażin bl-introduzzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ġodda, anki għaliex bastimenti se jkunu qegħdin iħottu l-merkanziji tagħhom f’portijiet oħrajn lil hinn mill-Unjoni Ewropea bl-iskop li jiffrankaw l-ispejjeż kieku kellhom jibqgħu jħottu l-merkanziji tagħhom f’Malta u f’portijiet oħrajn f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan ix-xenarju jista’ jwassal biex jintlaqtu ħażin il-Freeport u ħaddiema li jiddependu mis-settur. Dan filwaqt li mill-futur immedjat l-konsumatur jidher li se jkompli jitgħabba bi spejjeż addizjonali billi jkollu jagħmel tajjeb għal ħlas ta’ din it-taxxa li hi stmata li tlaħħaq il-€25 aktar għal kull container.

Hu spjega li d-Direttiva adottata reċentement 2023/959/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tifforma parti mill-pakkett leġislattiv Fit For 55. Dan hu qafas leġislattiv li għandu jpoġġi lill-Unjoni Ewropea fit-triq biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha b’mod ġust, b’mod effettiv u b’mod kompetittiv.

L-għan tad-Direttiva hu li testendi l-ambitu tas-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ETS) għas-settur tat-tbaħħir. L-ETS għadha fl-istadji bikrija tagħha ta’ implimentazzjoni, iżda diġà bdejna nesperjenzaw l-impatt tagħha fil-portijiet tal-Mediterran, b’Malta ma tkunx eċċezzjoni. Madankollu bħala riżultat ta’ din il-politika sinifikanti, qiegħed ikun stabbilit probabbiltà akbar li jkollha impatt negattiv fil-portijiet tal-Mediterran.

Ivan Castillo fisser li l-bastimenti li jġorru l-containers minn barra l-Ewropa u li jittrasbordaw l-istess containers f’portijiet bħal Marsaxlokk, Goia Tauro jew Valenzia għandhom l-għażla li jevitaw li jħallsu l-allowances billi jibdew it-trasbord tagħhom f’portijiet fit-Tramuntana tal-Afrika. Dan ix-xenarju plawsibbli, xenarju li huwa previst ukoll mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Portijiet tal-Baħar, se joħloq telf ta’ negozju u importazzjonijiet li jiswew aktar u spejjeż ogħla tal-esportazzjoni.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb ħafna dwar is-settur tat-tbaħħir fil-Mediterran. Iċ-ċentri tat-trasbord tal-Mediterran huma aktar vulnerabbli għal tibdil tar-rotta lejn portijiet ta’ trasbord mhux tal-Unjoni Ewropea. Kif inhuma l-affarijiet, diġà huwa aktar favorevoli għall-bastimenti li jidħlu f’port mhux tal-Unjoni Ewropea milli f’port ta’ trasbord tal-Unjni Ewropea li għadhom waħedhom bi spejjeż addizzjonali assoċjati mal-ETS.

Hu kompla li peress li l-kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu jagħżlu li jittrasbordaw oġġetti f’portijiet mhux tal-Unjoni Ewropea biex jevitaw li jħallsu kwoti tal-karbonju, dan ikollu impatt negattiv fuq l-ekonomiji rispettivi, inkluż dik ta’ Malta.

Dan kollu jista’ jwassal għal rilokazzjoni possibbli lejn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea biex jiġu evitati l-ispejjeż tal-ETS u li anki tista’ twassal għal telf ta’ impjiegi u tnaqqis ulterjuri fis-settur marittimu.
Impatt negattiv fuq il-kummerċ bejn il-Mediterran u partijiet oħra tad-dinja huwa wkoll realtà. Dan ikun ifisser li x-xogħol ta’ dawk l-intrapriżi bħal Malta Freeport u d-dħul kollu għall-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi assoċjati mat-trasbord se jkunu prijoritizzati b’mod irrimedjabbli. Dan kollu filwaqt li l-emissjonijiet ta’ dawn il-vapuri qed jiżdiedu minħabba d-devjazzjonijiet li jridu jagħmlu.

Ivan Castillo kompla jispjega li Malta tista’ ssofri telf kbir ta’ trasbord, li bħalissa jikkontribwixxi għal tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku Nazzjonali tagħna, mijiet ta’ impjiegi u f’dak id-dħul kollu ġġenerat minn servizzi anċillari bħal; bunkering, dħul għall-aġenti tat-tbaħħir, l-attività kollha ta ‘importazzjoni u esportazzjoni u implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi serji għall-ekonomija tagħna.

Huwa ċar, li l-ambitu tad-direttiva, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra se jiġi dilwit. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni se jkun mifrux ukoll fost dawk l-intrapriżi fis-settur pubbliku u privat li qed jaġixxu b’mod responsabbli. Id-direttiva ETS għandha implikazzjonijiet potenzjalment usa’, partikolarment għal Malta, li tiddependi ħafna fuq l-esportazzjoni tal-manifattura għas-sostenibbiltà ekonomika tagħha, żied Ivan Castillo.

Hu kompla li l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda hija mistennija li tirriżulta f’rati tal-merkanzija miżjuda, ħinijiet itwal ta’ tranżitu u servizzi irregolari għall-esportazzjonijiet tal-manifattura. L-operaturi jistgħu faċilment jaqbżu l-kwoti tax-xiri billi jħottu merkanzija minn vapuri kbar f’portijiet mhux tal-Unjoni Ewropea u mbagħad jittrasferuhom għal bastimenti iżgħar barra mill-ambitu tad-Direttiva meta jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jwassal għal konsegwenzi diretti għall-konsumaturi, inklużi tfixkil fil-katina tal-provvista, dewmien fil-kunsinna ta’ kunsinni (inklużi prodotti fil-ħin), u żidiet fil-prezzijiet.

Mistoqsi dwar l-insularità ta’ Malta u fejn tmenin fil-mija tal-importazzjonijiet tagħna jiġu żbarkati bil-baħar u jekk dawn il-vapuri ġejjin mil-Lvant se jevitaw li jiġu Malta u tinħoloq problema serja għall-importaturi u l-esportaturi Maltin, Ivan Castillo fisser li rridu settur tat-trasport marittimu effiċjenti, ekonomiku u nadif, iżda wkoll kundizzjonijiet ekwi. Neħtieġu qafas leġiżlattiv li jappoġġja lill-imprendituri u lin-negozji Maltin għal konnettività adegwata mal-bqija tad-dinja. Dan huwa pilastru fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod urġenti soluzzjonijiet alternattivi għal din il-kwistjoni sinifikanti u kritika. Fin-nuqqas tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu. id-dispożizzjonijiet attwali tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tas-sistema tas-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) fis-settur marittimu jirriskjaw li jwasslu għal konsegwenzi kontroproduttivi serji ħafna.
Konsegwenzi bħal rilokazzjoni tal-karbonju u telf ta’ kompetittività mis-settur marittimu tal-Unjni Ewropea, li jwasslu għal riskju strateġiku konsegwenti għas-sistema loġistika Ewropea kollha. Dawn il-kwistjonijiet imbagħad se jkollhom impatt dirett fuq l-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea. Jistgħu jwasslu għad-dgħajjef tal-kapaċità tal-UE li taġixxi b’mod indipendenti u effettiv f’oqsma strateġiċi bħall-kummerċ. M’għandniex inħarsu lejn il-kwistjoni b’mod iżolat, l-Unjoni Ewropea diġà għandha kooperazzjoni internazzjonali ta’ sfida dwar kwistjonijiet globali, bħat-tibdil fil-klima jew it-tranżizzjoni tal-enerġija.

Id-Deputat Nazzjonalista żied li “aħna konxji li teżisti data dwar in-numru ta’ bastimenti li jgħaddu mill-Mediterran li jużaw portijiet Ewropej għat-trasbord, inklużi rotot alternattivi lejn l-Afrika ta’ Fuq. L-Unjoni Ewropea investiet f’numru ta’ programmi bħal SafeSeaNet li minnhom tista’ tinkiseb informazzjoni.
“Dan jirrikjedi politika matura u responsabbli, mhux il-politika medjokur, infentil li tipponta subgħajh, l-interess nazzjonali ma jistax jiġi injorat. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fuq din il-kwistjoni qed isegwi mal-Gvern biex nassiguraw dak li hu ġust u l-aħjar għal Malta filwaqt li nħarsu l-ambjent.”
Hu kompla li “rridu nappoġġaw dan bil-ġbir u l-monitoraġġ tad-dejta li għaddejjin li huma essenzjali. Id-Direttiva tistabbilixxi obbligu legali lejn il-monitoraġġ tal-impatt tal-ETS fuq il-vapur u rridu naġixxu issa. Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra jistgħu jaġixxu kollettivament jitolbu monitoraġġ effettiv immedjat. Għandna wkoll nappoġġaw il-monitoraġġ u l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-karbonju u tan-negozju u nappellaw lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri preventivi u ristorattivi. Malta għandha wkoll rwol importanti mal-arranġamenti ta’ ħidma tal-UE biex taħdem mill-qrib mal-pajjiżi msieħba tal-IMO biex tiżviluppa miżura globali għas-settur marittimu, kompla Ivan Castillo.

Viġilanza kostanti kemm min-naħa tal-awtoritajiet kif ukoll tal-industrija hija kruċjali. Dan japplika għall-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-inizjattiva u wkoll fir-rigward ta’ miżuri ġodda li wħud minnhom diġà qed jitħejjew.

“L-ankri tagħna jeħtieġ li jkunu b’saħħithom biex jifilħu l-pressjonijiet u fl-istess ħin reżiljenti biex jadattaw għall-isfidi. Aħna nirrispettawha lill-ambjent. Aħna nirrispettawha għas-sigurtà tal-ħajja. Aħna nirrispettawha għall-ġid tal-baħħara. Aħna nirrispettawha lill-għajxien tal-ħaddiema tagħna u n-nies tagħna. Miżuri ġodda, minkejja li huma maħsuba sew, ma jistgħux iwasslu għal soluzzjonijiet paradossali.”
Malta ma tistax tistenna xhur, anke l-iċken impatt negattiv jista’ jdaħħal l-ekonomija tagħna fl-art b’żieda impatt negattiv fuq il-konsumaturi bi prezzijiet u inflazzjoni dejjem tiżdied, ir-riskju reali li nitilfu l-vantaġġ kompetittiv tagħna, għandna bżonn azzjoni ta’ rimedju immedjata. Kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-industrija għandhom dejjem ikunu viġilanti biex jipproteġu kemm l-ambjent kif ukoll l-għajxien taċ-ċittadini, temm Ivan Castillo.