Sport Waterpolo

Tibdil kbir u l-element żagħżugħ jiddominaw l-għażla finali ta’ Cirovic għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: LEN)

Il-kowċ nazzjonali Milan Cirovic sejjaħ l-iskwadra finali ta’ 15-il plejer li se tikkompeti fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Zagreb u Dubrovnik bejn l-4 u s-16 ta’ Jannar.

Din se tkun il-ħames darba konsekuttiva li pajjiżna jinsab mal-aqwa 16-il nazzjon fl-Ewropa. Fl-aħħar edizzjoni, Malta kisbet l-14-il post li hu l-aqwa riżultat li qatt inkiseb mit-tim nazzjonali tal-irġiel f’Kampjonat Ewropew.

Probabbilment din kienet l-aħjar preparazzjoni li t-tim Malti kellu kemm ilu jikkompeti fil-Kampjonat Ewropew. Minbarra l-Enemed Cup li spiċċat fit-13 ta’ Diċembru u serviet biex il-plejers setgħu jilagħbu b’mod frekwenti, proprju fl-aħħar jiem ġie organizzat tournament f’pajjiżna stess. Fl-aħħar tlett ijiem, Malta lagħbet kontra l-Italja, Franza u l-Olanda; tliet pajjiżi li se jieħdu sehem ukoll fil-Kampjonat Ewropew.

Din se tkun l-ewwel darba li Cirovic se jmexxi lit-tim nazzjonali fil-Kampjonat Ewropew wara li fl-aħħar erba’ edizzjonijiet il-kowċ nazzjonali kien Karl Izzo – illum President tal-ASA. Mill-iskwadra proviżorja li lagħbet dawn it-tliet logħbiet fl-aħħar jiem inqalgħu Alec Fenech, Ben Plumpton, Jerome Zerafa Gregory u Mattew Bonello DuPuis.

Rivoluzzjoni sħiħa

L-għażla finali ta’ Cirovic hi dominata minn għażliet partikolari li ma jimxux ma’ dak li seħħ fl-aħħar erba’ edizzjonijiet. Mill-iskwadra li ħadet sehem fil-Kampjonat Ewropew tas-sena l-oħra fi Split, hemm biss seba’ plejers minn ħmistax. Dawn huma Jeremy Abela, Nicholas Bugelli, Liam Galea, Sam Gialanze, Jake Tanti, Darren Zammit u Nikolai Zammit.

Għal Benjamin Busuttil, Mark Castillo, Matthias Azzopardi, Jayden Cutajar, Jake Muscat, Jake Bonavia, Gianni Farrugia u Jake Cachia din se tkun l-ewwel dehra tagħhom fil-Kampjonat Ewropew.

Fatt interessanti hu li Nicholas Bugelli hu l-akbar plejer fl-iskwadra b’età ta’ 26 sena. Punt ieħor li juri d-direzzjoni li t-tim nazzjonali sejjer hu li mit-tim immexxi minn Anthony Farrugia li s-sena l-oħra spiċċa fl-10 post fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena, hemm xejn anqas minn sitt plejers. Dawn huma Jake Bonavia, Jake Cachia, Mark Castillo, Jayden Cutajar, Gianni Farrugia u Sam Gialanze.

Skwadra finali

Jake Tanti (San Ġiljan), Benjamin Busuttil (Valletta), Liam Galea (Sliema), Jeremy Abela (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Mark Castillo (Neptunes), Matthias Azzopardi (Sirens), Jayden Cutajar (Sliema), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Nicholas Bugelli (San Ġiljan), Jake Muscat (Neptunes), Sam Gialanze (Neptunes), Jake Bonavia (San Ġiljan), Gianni Farrugia (Sirens), Jake Cachia (Sirens)

L-impenji ta’ Malta fi Grupp Ċ

Il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar

Ġermanja v Malta           7.00pm

Il-Ħadd 7 ta’ Jannar

Malta v Iżrael                  5.00pm

It-Tlieta 9 ta’ Jannar

Serbja v Malta                 7.00pm