Kultura Lokali

Ċelebrazzjonijiet differenti bi tradizzjonijiet differenti

Huwa stmat li mal-50,000 persuna attendew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-bidu tal-ewwel tas-sena li kien hemm fi Pjazza San Ġorg fil-Belt Valletta.

Fost dawk li ħadu sehem kien hemm il-mistiedna speċjali Emma Muscat kif ukoll AIDAN u Lara and the Jukeboys Band flimkien ma’ The Palace string Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela.

Eżatt qabel il-countdown il-preżentaturi Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar ingħaqdu ma’ Dj Koroma u Dj Miggy biex bil-mużika ferrħu lill-folla u lil dawk li kienu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali.

Intant madwar id-dinja kien hemm ukoll ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ għal bidu tal-ewwel sena, uħud ikbar mill-oħrajn.

Fost l-akbar ċelebrazzjonijiet kien hemm dawk fil-bajja ta’ Copacabona f’Rio De Jainero fil-Brażil.

Tradizzjoni interessanti fil-Brażil għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena hija li bosta huma dawk li jilbsu l-abjad. Dawk li huma reliġjużi jagħtu wkoll bukett tal-fjuri lir-Reġina tal-Baħar, bħala ringrazzjament għas-sena li tkun għada kemm ġiet fi tmiema.

Ċelebrazzjoni oħra li għeluf kbar ta’ nies jirrikoru għaliha hija dik ta’ New York, fejn kantanti b’fama mondjali taw spettaklu mill-isbaħ. Fost l-aqwa talent preżenti kien hemm Paul Anka kif ukoll Sabrina Carpenter

F’Londra din is-sena ċelebrazzjonijiet bdew eżatti mat-tokki ta’ nofsiljel tal-Big Ben, fejn is-sema imtliet b diversi logħob tan-nar kif ukoll bid-drones fejn deher il-kliem ‘London, a place for everyone’, hekk kif il-messaġġ ewlieni f’Londra kien wieħed ta’ inklussività.

Intant fil-Pakistan li jiċċelebra l-ewwel tas-sena 30 minuta wara l-Indja, din is-sena ma kien hemm l-ebda tip ta’ logħob tan-nar, hekk kif il-Gvern ta’ dan il-pajjiż ħareġ projbizzjoni fuq kull tip ta’ ċelebrazzjoni inkluż mużika u logħob tan-nar. Din il-projbizzjoni kienet ħarġet bħala mod kif il-Gvern juri s-solidarjeta tiegħu mal-poplu Palestinjan.

U f’Berlin iktar minn 200 persuna ġew arrestati hekk kif 15-il Pulizija spiċċaw indarbu wara li dawk preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet garraw il-logħob tan-nar lejn l-uffiċjali tal-Pulizija.