Lokali

Ebda rapporti ta’ inċidenti tat-traffiku fl-ewwel sigħat tas-sena

Il-Pulizija toħroġ aktar minn 600 kontravenzjoni matul il-jiem tal-festi

Matul il-jiem tal-Festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena l-Korp tal-Pulizija wettaq ‘il fuq minn 160 roadcheck li fihom twaqqfu madwar 4,500 vettura u inħarġu aktar minn 600 kontravenzjoni.

Dan tħabbar mill-Korp tal-Pulizija hekk kif ġie spjegat li l-ispezzjonijiet tat-traffiku ngħataw bidu sa mill-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Diċembru.

In-nuqqasijiet li nstabu matul dawn l-ispezzjonijiet kienu jvarjaw minn sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja jew liċenzji mhux imwaħħla, użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan, sewqan b’veloċità iktar milli tippermetti l-liġi, sewwieqa mhux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà u anke minħabba li vetturi nstabu bi ħġieġ tinted bi ksur tal-liġi.

Intant numru ta’ vetturi ġew irmunkati għax is-sewwieq ma ppreżentax liċenzja valida, waqt li nħarġu wkoll kontravenzzjonijiet fuq vetturi Y Plates li ma kellhomx il-permessi relatati.

Fortunatament matul il-lejl li għadda ma ġewx irrapportati inċidenti tat-traffiku, waqt li matul il-jiem kollha tal-festi, ma seħħ ebda inċident serju tat-traffiku.