Il-Ġappun jinsab fi stat ta’ emerġenza wara li z-zoni ċentrali tal-pajjiż intlaqtu minn terremot qawwi fis-sigħat bikrin tal-Ewwel tas-sena…Fl-aħħar sigħat ukoll kienu effettivi t-twissijiet urġenti dwar il-probabbiltà tat-tsunami li huma mewġ kbar tal-baħar enormi li kemm-il dara jkunu xprunati mit-theżżiż ta’ kalibru hekk qawwi….Naraw fis-servizz…
It-terremot li mmarka 7.6 fuq l-Iskala Richter ikkaġuna kaos assolut fir-reġjun ċentrali tal-Ġappun u fejn is-sitwazzjoni għadha inċerta….It-terremot kien segwit minn madwar 20 theżżiż sekondarju, bl-awtoritajiet Ġappuniżi qed jistennew aktar theżżiż tal-art matul is-sigħat li ġejjin.
Yoshimasa Hayashi, li hu s-Segretarju Ewlieni tal-Kabinett Ġappuniż, fl-aħħar sigħat wissa li l-Ġappun għandu jistenna aktar terremoti fil-bidu tas-sena.
Hu kompla li l-awtoritajiet kienu għadhom qed jiksbu l-informazzjoni dwar l-impatt tat-terremot u l-konsegwenzi, bil-Gvern ma joħroġx ċifri uffiċjali dwar il-vittmi potenzjali.
Sadanittant, is-sorsi viċin il-Gvern ikkonfermaw diversi sitwazzjonijiet fejn in-nies intradmu taħt il-bini li ċedew għal fuqhom. Fl-istess ħin, ir-rapporti minn madwar il-pajjiż kollha referew għall-kroll tal-bini fiċ-ċentru tal-Ġappun u l-madwar.
Rapporti mid-distrett ta’ Ishikawa qalu li r-residenti fiz-zona ta’ Noto, viċin il-kosta, ingħataw direttivi urġenti biex jevakwaw mill-aktar fis minn djarhom u biex jirrilokaw f’artijiet aktar għolja.
Fl-istess ħin, hemm tensjoni kbira fost il-Ġappuniżi dwar il-potenzjal qattiel tat-tsunami u meta fl-aħħar sigħat, numru ta’ mewġ għoljin madwar metru kienu qed jifqgħu l-artijiet tal-kosta fid-distrett ta’ Ishikawa. L-awtoritajiet lokali fl-istess ħin wissew ukoll dwar il-probabbiltà ta’ mewġ tal-baħar għoljin madwar ħames metri u li kapaċi jikkaġunaw katastrofi qalb il-komunitajiet fiz-zona.
Din hi l-ewwel darba li ħarġet twissija dwar sitwazzjoni ta’ tsunami enormi fil-Ġappun mindu l-pajjiż intlaqat minn terremot kbir ieħor, fl-2011. Sadanittant mifhum li l-awtoritajiet Ġappuniżi, ftit tal-ħin ilu, naqqsu xi ftit mil-livell ta’ periklu assoċjat mal-mewġ u minkejja li għadha reali l-possibbiltà ta’ theżżiż ġdid tal-art.
Il-qilla tat-terremot li laqat ftit wara nofs-il lejl mistennija tħalli konsegwenzi sinifikanti fil-Penisola ta’ Noto — bl-istraġi kapaċi tkun akbar minn ta’ kwalunkwe każ simili, mindu bdew jinżammu r-rekords dwar it-terremoti fl-1885.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fil-Ġappun anki ħarġu twissijiet dwar il-potenzjal tat-tsunami għad-disretti ta’ Niigata u Toyama viċin ta’ Ishikawa. Dan fost il-kalkoli li l-mewġ tal-baħar li javviċina l-art kapaċi jkunu għoljin madwar it-tliet metri.
Sadanittant, ma kienu rappurtati l-ebda irregolaritajiet qalb iz-zoni viċin il-Baħar tal-Ġappun li jservu bħala l-lokalità għall-faċilitajiet nukleari tal-pajjiż.
Fi żviluppi oħra, l-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel ukoll ikkonfermaw inċidenza ta’ tsunami żgħar madwar il-kosta tal-pajjiż lejn il-Lvant u li kienu konsegwenza diretta tat-terremot fil-Ġappun.

Ritratti: Sky News
//= $special ?>

