Lokali

Jinġabru €1,520,517 waqt il-maratona b’risq id-Dar tal-Providenza

Inġabru total ta’ €1,520,517 waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità – maratona ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.

“Il‑fondi miġbura se jgħinu lid‑Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115‑il persuna b’diżabilità li jgħixu fid‑djar tagħha. Il‑fondi se jgħinu wkoll lid‑Dar biex tlesti x‑xogħol kollu ta’ rinovar estensiv u titjib fl‑ambjent li fih jgħixu r‑residenti f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi.”

Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, fl‑għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax‑il siegħa. 

Fr Martin Micallef żied jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-dar għax-xogħol li jagħmlu biex ikunu jistgħu jagħtu dan is-servizz li d-dar ilha toffri għal tant u tant snin, sabiex dawn il-persuni jkollhom residenza li tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Filwaqt li rringrazzja wkoll lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta għall-għajnuna b’donazzjonijiet li jagħtu matul is-sena.

Preżenti għal din il-maratona kien hemm ukoll delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione, li komplew iżidu mal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi b’somma sabiħa ta’  €1,000. 

Mistednin taħt it-tinda kien hemm ukoll, fost l-oħrajn, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Attendew ukoll għadd ta’ Ministri u Membri Parlamentari, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.