Internazzjonali

Aktar minn 48 persuna mejta wara t-terremot qawwi fil-Ġappun

Tela’ għal 48 in-numru ta’ vittmi li tilfu ħajjithom  waqt it-terremot qawwi li seħħ fil-Ġappun.. terremot li kkawża diversi tiġrif ta’ bini u djar.

It-terremot tat-Tnejn li mmarka 7.6 fuq l-Iskala Richter ikkaġuna kaos assolut fir-reġjun ċentrali tal-Ġappun hekk kif kien segwit minn madwar 20 theżżiża oħra sekondarja.

Il-Prim Ministru tal-Ġappun Fumio Kishida, qal li t-terremot ħalla bosta vittmi u ħsarat estensivi. 

Eluf ta’ ħaddiema tas-salvataġġ bħalissa għaddejjin bi tfittxija intensiva għal dawk il-persuni li huma maħsuba li jistgħu ikunu mirduma taħt it-tiġrif u nqabdu taħt it-terrapien.

Toroq imblukkati, karozzi mkissra u djar meqruda qed jagħmluha aktar diffiċli biex dawn il-ħaddiema jwettqu din il-ħidma ta’ salvataġġ.

Sadanittant, il-militar Ġappuniż qed iqassam provvisti tal-ikel, ilma u kutri għal dawk li kellhom jitilqu mid-djar tagħhom u spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Ħafna mis-servizzi tal-ferrovija u vapuri kif ukoll diversi titjiriet lejn iż-żona ġew sospiżi proprju minħabba dan it-terremot.