Lokali

ATTO taħtar lil Joseph Bugeja bħala ċ-Chairman il-ġdid

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ l-Operaturi tat-Tractors u Trailers (ATTO) ħabbret li għadha kemm ħatret lil Joseph Bugeja bħala ċ-Chairman il-ġdid tagħha.

ATTO hija l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-operaturi Maltin fil-qasam tal-loġistika li b’mod regolari jgħaqqdu lil Malta mal-kumplament tad-dinja permezz tas-servizzi tat-trasport bit-triq minn u lejn Malta u ma’ l-Ewropa. Il-membri ta’ ATTO jirrappreżentaw madwar 70% ta’ l-importaturi u esportaturi f’Malta minn fost industriji differenti fosthom l-avjazzjoni, il-moda, l-ikel, il-farmaċewtika u l-industrija tas-semiconductors.

“ Bugeja huwa isem magħruf sew fis-setturi tat-trasport u dak marittimu u l-pożizzjonijiet importanti li jokkupa kemm fis-settur privat u dak pubbliku ġabulu ħafna esperjenza, kuntatti u għenuh irawwem viżjoni sħiħa għas-settur. Huwa l-persuna ideali biex tmexxi lil ATTO matul dawn is-snin ta’ sfida li ġejjin,” qal Antoine Vella, President ta’ ATTO.

F’kumment dwar il-ħatra ġdida tiegħu, Joseph Bugeja qal li: “ATTO hija organiżżazzjoni importanti bl-impenn li trawwem komunità b’saħħitha fost l-operaturi tat-trailers. Għaldaqstant kburi u onorat b’din il-kariga ġdid li se tħallini napplika l-esperjenza li ksibt sabiex inkompli naħdem għal aktar suċċess għall-operaturi ta’ trailers Maltin li fuqhom tiddependi l-katina ta’ trasport u loġistika fraġli ta’ Malta.”

Joseph Bugeja, li huwa membru taċ-Chartered Institute of Logistics & Transport, beda l-karriera tiegħu fil-qasam tal-Freight Forwarding u Customs Clearance fl-1971 u okkupa l-kariga ta’ General Manager ta’ Sea Malta Company Ltd bejn l-1974 u l-2005 bl-istess pożizzjoni ma’ Grimaldi Group/Malta Motorways of the Sea Ltd bejn l-2006 u l-2019.

Bejn l-2019 u l-2022 Bugeja kien Chairman u CEO ta’ Transport Malta, u bejn l-2020 u l-2022 kien ukoll Chairman tal-Fondazzjoni tat-Trasport. Huwa okkupa l-kariga ta’ direttur f’diversi entitajiet fosthom Tug Malta Ltd, MOBC Ltd, Franks Group, u kien CEO u Fundatur tal-Malta Maritime Forum u fuq il-Kumitat Dixxiplinari tal-Kamra ta’ Malta għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriċau tal-Port Labour Joint Counsel.

Fil-preżent, Bugeja huwa President tal-Maltese-French Chamber of Commerce.