Lokali

Noel Azzopardi għandu jiġi mixli l-Erbgħa bil-qtil ta’ Eric Borg: traġedja li seħħet fl-ewwel tas-sena fin-Nigret

Noel Azzopardi ta’ madwar 40 sena mir-Rabat, ir-raġel li qed jiġi nterrogat mill-Pulizija b’rabta mal-qtil li seħħ fl-ewwel tas-sena fl-inħawi tan-Nigret fir-Rabat – hekk kif il-vittma żagħżugħ, li huwa wkoll Rabti inqatel permezz ta’ żewġ tiri t’arma tan-nar se jitressaq għada l-Erbgħa.

Huwa mistenni jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella tard filgħodu jew kmieni wara nofs inhar peress li fl-4pm jagħlqu t-48 siegħa li persuna tista’ tinżamm arrestata qabel ma titressaq il-Qorti. Il-qtil seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs tat-Tnejn waranofsinhar fi Triq il-Fidloqqom.

Jihder li kollox beda meta seħħ argument bejn il-vittma u l-akkużat. Fl-argument iż-żagħżugħ, identifikat bħala Eric Borg ta’ 27 sena, intlaqat minn żewġ tiri t’arma tan-nar u sussegwentament tħalla mixħut fuq il-bankina.

Xhieda fil-post ċemplu minnufih lill-Puliizja u tim mediku tal-ambulanzi madanakollu sfortunatament huwa kien ċertifikat mejjet fil-post. Azzopardi, li huwa sid ta’ razzett fir-Rabat tittieħditlu stqarrija mill-Pulizija tard wara nofs inhar u wara l-Pulizija kompliet għaddejja bl-istħarriġ tagħha dwar dan il-każ, li x’atard huwa marbut ma’ għalqa li għandu l-akkużat.

Kelliem uffiċjali tal-Pulizija spjega li l-investigaturi qed jaħdmu sabiex jistabilixxu x’wassal għal dan l-ewwel omiċidju tal-2024. Jidher li x’wassal għall-argument li wassal għall-qtil għadu mhux wieħed ċar fejn l-Avukati ta’ Azzopardi – Dr. Arthur Azzopardi, Dr. Jacob Magri u Dr. Alex Miruzzi tkellmu mal-familjari tal-akkużat aktar tard mal-jum tat-Tlieta.

Kien ftit wara s-sitta ta’ filgħaxija l-Pulizija rnexxielha żżomm u tarresta fir-Rabat stess lil Noel Azzopardi, Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta maġisterjali u diversi esperti sabiex jassistuha. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa.