Futbol Sport

Futbol Ingliż: Liverpool jegħlbu lil Newcastle fl-ewwel logħba tas-sena

(Ritratt: EPA)

F’Anfield, Liverpool għelbu lil Newcastle United 4-2, rebħa li biha r-Reds ikkonsolidaw posthom fl-ewwel post tal-klassifika bit-13-il rebħa fejn b’45 punt fetħu distakk ta’ tlett punti fuq Aston Villa.

Għal kuntrarju Newcastle komplew bis-serje negattiva u d-disa’ telfa fil-Kampjonat fejn baqgħu fid-9 post b’29 punt.

Fit-22 minuta foul ta’ Sven Botman fuq Luis Diaz. Anthony Taylor saffar penalty. Inkariga minnu Mohammed Salah iżda Martin Dubravka salva biex l-iskor baqa’ dak ta’ 0-0 sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fid-49 minuta Liverpool fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Darwin Nunez kien Mohamed Salah li għeleb lil Dubravka. Reazzjoni immedjata minn Newcastle li ħames minuti wara kisbu l-gowl tad-draw. Alexander Isak għeleb lil Alisson Becker minn pass ta’ Anthony Gordon. Fl-74 minuta Liverpool lura fil-vantaġġ permezz ta’ Curtis Jones li minn azzjoni ta’ Diogo Jota għamel l-iskor 2-1. Fit-78 minuta pass ta’ Mohamed Salah kien Cody Gakpo li għeleb lil Dubravka għat 3-1.

Reazzjoni minn Newcastle li fil-81 minuta naqqsu l-iskor permezz ta’ Sven Botman minn azzjoni tga’ Sean Longstaff. Madankollu fis-86 minuta bit-tieni penalty tal-ġurnata Mohamed Salah din id-darba ma falliex u għeleb lil Dubravka għal skor finali ta’ 4-2.