Internazzjonali

Gaza: Jiżdiedu d-dubji dwar l-ostaġġi miżmumin mill-Ħamas

Il-Mexxej ewlieni tal-grupp Ħamas, Ismail Haniyeh, qal li l-ostaġġi Iżraeljani li għadhom qed jinżammu  mit-terroristi Palestinjani f’Gaza jridu jinħelsu ‘biss’ skont il-kundizzjonijiet iffissati minnu u mill-kapijiet ta’ miegħu.

L-ostaġġi kienu nħatfu waqt ir-rejds storiċi tas-7 ta’ Ottubru f’Iżrael u fejn il-Ħamas kienu infiltraw il-komunitajiet man-naħa l-oħra ta’ Gaza fejn immassakraw il-mijiet tal-familji.

Min-naħa tiegħu, Ismail Haniyeh qal li l-Ħamas spjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Qatar u lill-Eġittu – it-tnejn medjaturi fil-konflitt. Dan meta l-Ħamas qed jinsisti għal waqfien totali mill-azzjonjijiet militari tal-Iżraeljani fuq iz-zoni ta’ Gaza.

Il-Ħamas anki x-xahar li għadda kien eskluda għall-ħelsien ta’ aktar ostaġġi ‘qabel it-tmiem tal-gwerra’. Fl-istess ħin, Iżrael qed jiċħad kull domanda għal waqfien mill-ġlied u meta għadu determinat ‘aktar minn qabel’ biex jeqred it-theddida tat-terroriżmu minn Gaza.