Ħamsa minn 6 membri tal-ekwipaġġ ta’ ajruplan tal-gwardja tal-kosta Ġappuniża mietu wara li kienu involuti f’ħabta ma’ ajruplan tal-linja nazzjonali tal-ajru tal-Ġappun, bis-sitt membru, il-pilota, jirnexxielu jsalva.
L-ajruplan tal-Japan Airlines spiċċa f’ħuġġieġa waħda wara li ħa n-nar fl-ajruport ta’ Tokjo Haneda fil-kapitali Ġappuniża, bil-linja nazzjonali Ġappuniża tikkonferma li t-379 passiġġier flimkien mal-ekwipaġġ abbord ġew salvati u evakwati.
L-ajruplan, tal-għamla Airbus A350, kien għadu kif jagħmel inżul fuq ir-runway għall-ħabta tas-5.45pm, ħin lokali fil-Ġappun, wara titjira interna mill-ajruport ta’ Shin-Chitose, fil-gżira ta’ Hokkaido fit-tramuntana tal-pajjiż.
Minkejja sforzi tal-ħaddiema ta’ salvataġġ biex jikkontrollaw in-nirien, jidher li l-ajruplan skiddja fuq it-tarmac tal-mitjar, b’diversi nirien jidhru ħierġa mit-twieqi tal-ajruplan.
Bħalissa, ir-runways kollha tal-mitjar ta’ Tokjo Haneda jinsabu magħluqa għal kwalunkwe inżul u tluq sakemm għadha għaddejja l-operazzjoni ta’ salvataġġ.
//= $special ?>