Lokali Qorti

Ħames snin ħabs wara li kkaġuna feriti gravi fuq persuna oħra fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Far

Raġel mill-Gambja ġie kundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li ammetta li nhar il-15 ta’ Diċembru 2023 għall-ħabta ta’ bejn is-sitta u nofs u s-sebgħa ta’ filgħaxija ġewwa ċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far, li jinsab f’China House, Triq Birżebbuġia, Zurrieq ħebb għal persuna u kkaġunalu ġrieħi gravi u ħfief.

Dampha Musa ammetta li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ Abdullah Alobeid f’perikolu ċar, ikkaġuna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa tal-istess Abdullah Alobeid, u ċioè offiża ta’ natura gravi hekk kif iċċertifikat mit-tabiba Melanie McElhatton.

L-Avukat Tilden Tabone li kien qed jirrappreżenta l-AĠ flimkien mal-Ispettur James Mallia xlewh talli fl-istess data, lok u ċirkostanzi, ikkawża lil Abdullah Alobeid biża li se tintuża vjolenza kontrih jew
kontra l-propjetà tiegħu.

Musa ammetta wkoll li talli fl-istess data, lok u ċirkostanzi, għamel inġurji jew theddid mhux imsemmija band’ohra fil-Kodiċi Kriminali, jew jekk kien ipprovokat, inġurja lil Abdullah Alobeid b’mod
li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni;

Ammissjoni oħra kienet li fl-istess data, lok u ċirkostanzi, ħebb għal Abdullah Alobeid sabiex jinġurjah, idejjqu jew jagħmel ħsara lilu jew lil ħaddieħor. Il-Qorti ġiet mitluba sabiex tipprovdi għas-sigurtà ta’
Alobeid u fil-fatt ħarġet ordni ta’ protezzjoni.

Il-Qorti qieset li l-imputat ammetta l-akkużi kif dedotti kontrih anke wara li spjegatlu aktar minn darba l-pieni applikabbli għar-reati addebitati lilu u wara li ngħata żmien opportun sabiex jirregola ruħu mal-avukat tiegħu, huwa kkonferma tali ammissjoni.

Għal dawn il-motivi wara li rat l-Artikoli 17, 218(1)(b), 214, 215, 216, 251(3), 338(dd), 339(1)(d)(e) tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabet lil Dampha Musa ħati tal-akkuzi kif dedotti kontrih u tikkundannah piena ta’ ħames snin priġunerija