Lokali

Ifeġġ inkwiet ġdid bejn Robert Abela u Miriam Dalli

Mal-bidu ta’ sena ġdida… qed ikompli jikber id-diżgwid fi ħdan il-Partit Laburista.

Net News jista’ jiżvela kif fin-nofs ta’ dan l-inkwiet ġdid fil-Partit Laburista hemm Steve Ellul, il-kandidat għall-elezzjoni għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista li se ssir f’Ġunju li ġej.

Steve Ellul li sa ftit tal-jiem ilu kien viċin ħafna tal-Eks Ewroparlamentari Laburista, illum Ministru, Miriam Dalli, kien imur tajjeb ukoll maċ-ċirku tal-Prim Ministru Robert Abela.

Kemm Miriam Dalli u Robert Abela kienu qablu li jpoġġu lil Ellul, li hu l-‘istar candidate’ tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej,  fil-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green u tawh għad-dispożizzjoni tiegħu €700 miljun biex jonfoqhom fuq firxa ta’ ħames snin.

Issa sorsi viċin tat-Tmexxija tal-Partit Laburista li tkellmu ma’ Net News żvelaw li fl-aħħar jiem, hekk kif Ellul tefa’ n-nomina tal-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tas-sena d-dieħla, għażel li jibda jitħabbeb iktar maċ-ċirku ta’ Robert Abela u ftit ftit jibda jitbiegħed mill-Ministru Miriam Dalli, li hi ta’ theddida għat-Tmexxija ta’ Robert Abela.

Dan kollu bit-tama li Robert Abela jikkonċedilu li jibqa’ jilbes żewġt ikpiepel – dak ta’ kandidat għall-elezzjoni ta’ Ġunju u dak ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green.

Dan peress li l-Istatut tal-Partit Laburista ma jaċċettax li din issir… bil-persuna f’din il-pożizzjoni trid tagħżel bejn li tissokta bil-kandidatura tagħha u twarrab mill-kariga pubblika li jkollha, inkella tirtira mill-kandidatura li tkun tefgħet u tkompli bil-kariga pubblika tagħha.

Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru Robert Abela jinsab imdawwar b’sensiela ta’ problemi li qegħdin jimminawlu t-tmexxija tiegħu. Fejn jaf li fuq quddiemnett tal-perikli li għandu ma’ djulu hemm Miriam Dalli li wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej – kemm-il darba l-Partit Laburista jitlef mis-siġġijiet li għandu fil-Parlament Ewropew – jaf tistudja x-xenarju u l-possibbiltajiet kollha li jistgħu jfeġġu.

Huwa għalhekk li Steve Ellul fil-mument jidher li qiegħed jiċħad lil Miriam Dalli biex jitħabbeb ma’ Robert Abela. Bl-istess Miriam Dalli issa qegħda turi li qegħda taqbel mal-kandidati Laburisti li qegħdin jagħmlu pressjoni biex Steve Ellul jirriżenja minn Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green biex ma jibqax jagħmel użu mis-€700 miljun… fejn filwaqt li suppost jużahom biex jibdel id-dehra ta’ pajjiżna, jużahom biex jimbotta d-dehra u l-aġenda tiegħu.