Internazzjonali

Il-Ġappun: Titħarbat l-iskeda tat-titjiriet minn Tokjo wara l-ħabta fatali bejn żewġ ajruplani

It-titjiriet lejn l-ajruport ta’ Haneda, f’Tokjo, spiċċaw sospiżi għal żmien indefinittiv wara li ajruplan tal-gwardjani tal-kosta kien involut f’ħabta fatali ma’ ajruplan tal-passiġġieri eżattament fuq il-mitjar tal-ajruport.

Fl-inċident tilfu ħajjithom ħames persuni fuq l-ajruplan tal-gwardjani tal-kosta. Intant, it-traġedja kellha sseħħ proprju meta huma kienu qed iwasslu xi għajnuna lejn iz-zoni tal-Ġappun milqutin mit-terremot tal-Ewwel tas-Sena. Gwardjan ieħor salva b’miraklu mill-inċident għalkemm spiċċa jbati l-ġrieħi serji.

Mill-banda l-oħra, salvaw it-379 persuna – passiġġieri u ekwipaġġ – li kienu fuq l-ajruplan tal-Japan Airlines u li kienu evakwati f’ħin meta l-ajruplan spiċċa maħkum min-nirien.

Il-ħabta fl-ajru seħħet sagħtejn wara li l-ajruplan tal-passiġġieri kien beda t-titjira minn Hokkaido, fit-Tramuntana tal-Ġappun.

Intant, il-filmati wrew lil dan l-ajruplan miexi mal-art, bil-fjammi ħerġin minnu, wara l-inżul fl-ajruport ta’ Haneda – b’filmati oħra juru lill-passiġġieri neżlin mill-ajruplan permezz tal-inflatable slides,minuti biss qabel l-ajruplan spiċċa ħuġġieġa waħda.

L-aħħar rapporti qalu li s-servizzi mill-ajruport ta’ Haneda jinsabu weqfin waqt li numru sinifikanti ta’ titjiriet kienu diretti (minn Haneda) lejn ajruporti oħrajn fil-Ġappun.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ġappuniż insista dwar l-importanza li l-uffiċjali fl-ajruport jevalwaw is-sitwazzjoni mill-aktar fis u bl-aktar mod preċiż – u biex il-poplu jkun infurmat bid-dettalji kollha tat-traġedja.