Il-battalji f’Gaza bejn il-qawwiet Iżraeljani u t-terroristi tal-Ħamas ma tilfu xejn mill-intensità fl-aħħar sigħat – u minkejja li Iżrael ħabbar pjan għall-irtirar ta’ xi suldati miz-zoni tal-kumbattimenti.
Fl-istess ħin, l-ajruplani u t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael żiedu l-bumbardamenti fuq siti indikati bħala bażijiet tal-Ħamas fil-belt ta’ Khan Younis lejn in-nofsinar ta’ Gaza. Dan meta s-siti spiċċaw anki suġġetti għal baraxx ta’ balal mill-artillerija tal-Iżraeljani.
L-uffiċjali tal-Ħamas issa qalu li f’Gaza mietu ‘il fuq minn 200 Palestinjani oħra waqt 24 siegħa ta’ ostilitajiet. Fl-istess ħin, il-gwerra tidher li qed tirranka anki fix-Xatt tal-Punent, bl-Armata Iżraeljana ssostni li t-truppi tagħha qatlu numru ta’ militanti Palestinjani waqt azzjoni kontra l-moħbiet ta’ terroristi.
Intant, il-parti kbira tas-suldati Iżraeljani li se jinħarġu mill-infern ta’ Gaza huma riservisti tal-Armata. Fl-istess ħin, Iżrael qal li l-irtirar se jkun parti mill-fażi li jmiss tal-gwerra kontra l-Ħamas u meta mistennija aktar xhur ta’ battalji fit-tul fil-Medda ta’ Gaza.
Il-gwerra f’Gaza bdiet wara li l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, attakkaw il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera u fejn qalu ‘il fuq minn 1,200, fost il-ħtif ta’ mijiet tal-ostaġġi.
Attakkati miri militari fis-Sirja
Fi żviluppi oħra, il-qawwiet Iżraeljani anki laqtu xi miri militari fis-Sirja, b’ritaljazzjoni għall-isparar tal-missili mis-Sirjani lejn iz-zoni fin-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael.
Intant, il-media tas-Sirja qed tiċħad li l-Iżraeljani laqtu direttament lill-infrastruttura militari li hi kruċjali għall-Armata Sirjana. L-istess media sostniet li l-attakki partikulari konċentraw fuq xi pożizzjonijiet tal-Armata lejn il-limiti ta’ Damasku, il-kapitali tas-Sirja.
Fl-aħħar ġimgħat, il-qawwiet Iżraeljani eskalaw l-attakki fuq is-Sirja — bil-miri jinkludu l-ajruporti ta’ Damasku u ta’ Aleppo flimkien mal-lokalitajiet li allegatament huma kontrollati mill-milizzji alleati mal-Iran.
//= $special ?>