Is-sagramenti tal-Magħmudija, taż-Żwieġ kif ukoll ir-rit tal-Funeral, li sas-sena l-oħra kienu jiġu amministrati esklussivament mill-Knejjes Parrokkjali f’Għawdex, se jibdew jiġu amministrati ukoll mill-knejjes filjali u l-kappelli f’Għawdex li jiċċelebraw it-tridu tal-Għid, ċioè il-funzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid.
Din id-deċiżjoni tad-Djoċesi t’Għawdex daħlet b’effett mill-1 ta’ Jannar li għadda bil-għan li tilħaq lill-komunitajiet li diġa jinġabru biex jiċċelebraw il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu permezz tal-Liturġija u tas-Sagramenti hekk kif dawn flimkien max-xandir u s-smiegħ tal-kelma ta’ Alla huma l-qafas li fuqha hija mibnija l-Knisja.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet kollha huma t-Tlitt Ijiem Imqaddsa tal-Għid, partikularment il-Vġili tal-Għid il-Kbir li matulu jiġu ċċelebrati u mġedda s-Sagramenti tad-dħul fil-ħajja Nisranija.
Ħafna mill-irħula f’Għawdex mhux se jkunu affettwati minn din id-deċiżjoni hekk kif f’dawn il-komunitajiet, jew hemm il-Knisja Parrokkjali biss, bħal fil-każ tax-Xewkija, Ta’ Sannat u l-Munxar, inkella hemm numru żgħir ta’ knejjes li żdiedu bħall-Għarb, bl-inklużjoni tas-Santwarju Ta’ Pinu, u l-Qala’ bl-inklużjoni tas-Santwarju tal-Kunċizzjoni.
L-akbar tibdil se jesperjenzawha l-komunitajiet reliġjużi u l-knejjes bil-belt Victoria, hekk kif dawn is-Sagramenti qabel kienu jiġu amministrati biss mill-Bażilika ta’ San Ġorġ u l-Katidral tal-Assunta.
B’din id-deċiżjoni, b’kollox ġew inklużi 11-il knisja jew kappella li fihom jistgħu jiġu ċċelebrati Magħmudijiet, Żwiġijiet u Funerali ukoll fosthom tal-komunitajiet reliġjużi tal-Kapuċċini, Agostinjani, Sależjani u l-Franġiskani Konventwali.
Id-Djoċesi f’Għawdex irrimarkat li l-Magħmudijiet u ż-Żwiġijiet li diġà kienu ġew ibbukkjati f’Kappelli oħrajn qabel l-1 ta’ Jannar iżda mhux inklużi fil-lista maħruġa, dawn jistgħu jsiru xorta iżda mhumiex se jittieħdu aktar bookings f’dawn il-kappelli. L-istqarrija tad-djoċesi temmet tfakkar lill-Insara kif qabel iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, inklużi l-Magħmudija u ż-Żwieġ, dawn għandhom jieħdu ħsieb li jagħmlu l-formazzjoni meħtieġa f’waħda mill-parroċċi tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
𝑳𝒊𝒔𝒕𝒂 𝒕𝒂’ 𝑲𝒏𝒆𝒋𝒋𝒆𝒔 𝒖 𝑲𝒂𝒑𝒑𝒆𝒍𝒍𝒊 li fihom jistgħu jiġu ċċelebrati Magħmudijiet, Żwiġijiet u Funerali skont it-territorju parrokkjali:
- Il-Belt Victoria | Il-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema (il-Katidral) jew il-Parroċċa ta’ San Ġorġ
1. Il-Kappella ta’ Dar Manresa (Patrijiet Ġiżwiti)
2. Il-Kappella tal-Istitut tal-Familja San Ġwanni Pawlu II
3. Il-Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù – għall-membri tal-komunità ta’ lingwa Ingliża
4. Il-Knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù
5. Il-Kappella tas-Sorijiet Salesjani
6. Il-Knisja tal-Madonna ta’ Pompei (Sorijiet Dumnikani)
7. Il-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja (Patrijiet Franġiskani Kapuċċini)
8. Il-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb (Taċ-Ċawla)
9. Il-Kappella ta’ San Ġużepp (Oratorju Don Bosco)
10. Il-Knisja ta’ San Franġisk (Patrijiet Franġiskani Konventwali)
11. Il-Knisja ta’ Santu Wistin (Patrijiet Agostinjani)
- Il-Fontana | Il-Parroċċa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù
- Għajnsielem | Il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loreto
12. Il-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes – għall-membri tal-komunità ta’ lingwa Taljana
13. Il-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (Patrijiet Franġiskani Minuri)
- L-Għarb | Il-Parroċċa taż-Żjara tal-Verġni Marija lil Santa Eliżabetta
14. Is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu
- L-Għasri | Il-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur
- Ta’ Kerċem | Il-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir
15. Il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu (ix-Xlendi)
16. Il-Knisja ta’ Santa Luċija
- Ta’ Sannat | Il-Parroċċa ta’ Santa Margerita
- Il-Munxar | Il-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu
- In-Nadur | Il-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl
17. Il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù (Ta’ Karkanja)
- Il-Qala | Il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp
18. Is-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni – b’eċċezzjoni
- San Lawrenz | Il-Parroċċa ta’ San Lawrenz
19. Il-Kappella ta’ Sant’Anna (id-Dwejra) – b’eċċezzjoni
- Ix-Xagħra | Il-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija
20. Il-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu
21. Il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu (Marsalforn)
- Ix-Xewkija | Il-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista
- Iż-Żebbuġ | Il-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema