Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Korea t’Isfel jinsab rikoverat l-isptar wara li qala’ daqqa f’għonqu bi strument tal-ponta mingħand aggressur li avviċinah bl-iskuża li jitolbu l-firma. L-inċident seħħ fil-belt ta’ Busan, b’Lee Jae-myung – li kien tilef bi ftit l-elezzjoni presidenzjali tal-2022 – jitwassal l-isptar b’urġenza u fejn instab li l-ferita ma kellhiex konsegwenzi fatali.
Mhux ċar l-iskop wara l-aggrediment għalkemm l-aggressur – raġel ta’ 66 sena – żvela li ‘kellu l-intenzjoni biex joqtol lill-Kap tal-Oppożizzjoni’.
Intant, il-poplu fil-Korea t’Isfel jinsab ixxukkjat għall-aħħar bl-attakk li seħħ għall-għarrieda matul il-jum — u bid-deputati u l-partiti minn madwar l-ispektrum politiku jikkundannaw l-aggressjoni mingħajr riservi.
Fost id-distinti li awguraw fejqan ta’ malajr lil Lee Jae-myung kien hemm anki l-President Korean Yoon Suk Yeol, li hu avversarju politiku kbir ta’ Lee li jmexxi lill-Partit Demokratiku tal-Korea t’Isfel.
//= $special ?>