Sport Sport Ieħor

Jissoktaw l-investigazzjonijiet dwar il-mewt tal-eks ċiklista Melissa Hoskins

Dettalji ġodda dwar l-inċident li wassal għal-mewt ta’ Melissa Hoskins, eks ċiklista professjonali u mart Rohan Dennis, li sal-istaġun li għadda kien itellaq għal Jumbo Visma.

Dennis l-ewwel ġie arrestat mbagħad meħlus bi pleġġ fuq akkużi ta’ qtil involontarju wara li kien qed isuq il-vann li laqat u qatel lil martu.

Skont l-ewwel rapporti, il-mara telgħet fuq il-quddiem tal-karozza ta’ żewġha f’tentattiv iddisprat biex twaqqfu milli jsuq. Malli seħħ l-incident fuq il-post bdew l-investigazzjonijiet minn uffiċjali tal-pulizija tal-lokal biex jistabbilixxu ċ-ċirkostanzi tal-inċident.

Il-pulizija ħeġġet lil kull min għandu informazzjoni dwar l-inċident biex jikkuntattja lill-awtoritajiet. Melissa Hoskins, mart Rohan Dennis li kienet ukoll ċiklista ta’ livell Olimpiku, ittieħdet l-isptar bi ġrieħi gravi fejn mietet aktar tard.

Hoskins ikkompetiet fl-Olimpijadi ta’ Londra fl-2012 u f’ Rio 2016 fit-team persuit. Hija twielet fl-1991 u rebħet il-midalja tad-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja tal-2015 .Bejn l-2012 u l-2015 kienet tgħamel parti mit-tim professjonali Awstraljan Green Edge.

Wara l-inċident l-organizzaturi tat-Tour Down Under tal-Awstralja ddeċidew li jeskludu lir-rebbieħ tal-2015 Rohan Dennis mill-edizzjoni ta’ din is-sena.