Raġel minn Nepal ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li fera raġel ukoll minn Nepal. L-inċident seħħ l-għada tal-Milied f’Birkirkara.
Arjun Kunwar ammetta li f’xi ħin bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar f’ residenza fi Triq G.
Borg Pantalleresco, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ikkaġuna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa, meta kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa fuq il-persuna ta’ Aman Rana skond kif ġie ċċertifikat mit-tabib Saud Aldhuhli tal-Isptar Mater Dei u diversi tobba oħra
Huwa ammetta wkoll talli fl-istess data, lok, ħin u ċirkostanzi, ikkaġuna offiża magħmula bi strument li jaqta’ u bil-ponta. Finalment ammetta li għamel inġurji jew theddid b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni.
Il-Qorti ġiet ukoll mitluba sabiex tipprovdi għas-sigurtà ta’ Aman Rana billi jekk jidhrilha li huwa xieraq u neċessarju u taħt dawk i-kundizzjonijiet kollha li tqis xierqa u opportuni, dik li toħroġ ordni ta’ protezzjoni skont il-liġi.
Wara li semgħet il-provi u l-imputat ikkonferma l-ammissjoni tiegħu u dan wara li l-Qorti bl-għajnuna tal-interpretu, wissietu bil-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni u kkonfermaha wara li l-Qorti taghtu żmien biżżejjed sabiex jikkontempla d-dikjarazzjoni tiegħu u li fehem l-imputazzjonijiet kollha u l-pieni li jġibu tali imputazzjonijiet.
Il-Qorti wara li qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu lliberatu bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn mid-data tas-sentenza. Finlament il-Qorti spjegat fi kliem sempliċi r-riperkussjonijiet
jekk din l-ordni ma tiġix obduta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.


