Atletika Sport

Rekord dinji minn Beatrice Chebet fil-5 kilometri fit-tellieqa fit-triq

L-atleta mill-Kenja Beatrice Chebet kisret ir-rekord dinji tan-nisa tal-5 kilometri fit-tlielaq fit-triq f’Cursa dels Nassos f’Barċellona.

Chebet li għandha 23 sena temmet f’14-il minuta u 13-il sekonda, u kisret ir-rekord tan-nisa b’16-il sekonda li kien ta’ Senbere Teferi tal-Etjopja.

Chebet spiċċat ukoll sitt sekondi aħjar mir-rekord dinji tan-nisa f’tellieqa mħallta, stabbilit minn Ejgayehu Taye tal-Etjopja fil-Cursa dels Nassos tal-2021. Taye ta’ 23 sena kienet it-tieni fit-tellieqa qabel il-Kenjana Lilian Rengeruk.

Ir-rebħa temmet sena ta’ suċċess għal Chebet, li rebhet it-titlu dinji tal-cross-country Bathurst fi Frar qabel ma kisbet it-titlu mondjali ta’ 5 km f’Riga f’Ottubru. Hija rebħet ukoll il-bronż fil-5,000m fil-Kampjonati tad-Dinja f’Budapest f’Awwissu.

It-tiġrija tal-irġiel intrebħet minn Dominic Lobalu ta’ 25 sena mis-Sudan t’Isfel.